Cynergi Virtus fil-finali għar-rebħ tal-kampjonat kontra Athleta

Monday, March 30, 2015, 17:49

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL

minn Colin Schembri

Cynergi Virtus 63

Floriana Cafè Del Mar 55

(20-13)(18-4)(16-25)(9-13)

Cynergi Virtus ssieħbu ma’ Atoz Electronics Athleta fil-finali tal-kampjonat Bank of Valletta tal-ewwel diviżjoni wara li ħarġu rebbieħa kontra Floriana Café Del Mar 63-55 fil-logħba deċiżiva. Virtus kienu qiegħdin jikkontrollaw il-partita u kellhom vantaġġ komdu madankollu huma sofrew rimonta minn Floriana tard fil-logħba. Virtus kellhom lil Graham Coleiro lura fil-formazzjoni tagħhom filwaqt li  Thomas Grech kien assenti. Huma kellhom l-aħjar bidu fil-ftuħ tal-logħba bi 8 punti konsekuttivi inklużi żewġ trippli minn Shawn Pace.L-ewwel punti ta’ Floriana waslu fir-raba’ minuta minn Mark Henniger u Lee Ross. David Bugeja u Anton Axiaq wieġbu għal Virtus iżda Floriana naqqsu d-distakk għal punt fit-tmien minuta wara aktar punti minn Henniger 11-12. Virtus kellhom run ta’ 8-0 b’punti ta’ Peter Shoults u Mike Breusewitz kif huma għalqu s-sessjoni fuq quddiem 20-13. Virtus bdew it-tieni sessjoni b’run oħra ta’ 10-2 run bil-punti ta’ Robert Bonnici, Axiaq u Bugeja. Floriana kellhom biss 2 baskets ta’ Henniger f’din is-sessjoni hekk kif ma setgħux jippenetraw id-difiża żona ta’ Virtus. Virtus żiedu l-vantaġġ tagħhom b’żewġ trippli minn Breusewitz u fl-intervall fetħu vantaġġ ta’ 21 punt 38-17.

Fit-tielet sessjoni Virtus komplew iżidu l-vantaġġ tagħhom kif huma fetħu bi trippla ta’ Shoults. Floriana finalment wieġbu hekk kif kellhom run ta’ 8-2 bi tlett baskets minn Nikola Vasovic. Vasovic kellhu wkoll trippla għal Floriana iżda l-istess għamel Bonnici għal Virtus biex huma żammew vantaġġ komdu 49-28 fis-sitt minuta. Floriana kellhom break ta’ 14-5 fl-aħħar tliet minuti tat-taqsima però Virtus kienu għadhom 12-il punt minn fuq 54-42. Fl-aħħar sessjoni, Floriana komplew jagħfsu hekk kif bdew bi break ta’ 7-2 b’Ross ikollhu trippla u komplew inaqqsu d-distakk 49-56. Wara ftit minuti mingħajr punti, Floriana kellhom żewġ baskets oħra biex waslu biss sa’ tliet punti taħt l-avversarji. Axiaq kiseb basket importanti għal Virtus bi Floriana jfallu free-throws kruċjali fl-aħħar ħinijiet. Virtus kellhom l-aħħar punti tal-logħba minn Breusewitz u Bonnici biex huma ħarġu rebbieħa 63-55.

Cynergi Virtus: S. Pace 8, D. Bugeja 4, R. Bonnici 13, A. Schembri, M. Falzon, M. Bruesewitz 20, A. Felice Pace, A. Axiaq 11, I. Buldakov, G. Coleiro, P. Shoults 7, F. Bartolo.

Floriana Cafe Del Mar: M. Henniger 22, M. Mercieca, D. Camilleri, N. Sultana, S. Borg 2, L. Ross 15, N. Vasovic 15, C. Calleja, D. Schembri 1, O. Shamala, D. Agius.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Emanuel Mangani.

Ritratti: MPC Photography: https://www.facebook.com/pages/MPC-Photography/1514051275539716

Programm tal-finali:

08-04-2015 – 19:30 – AtoZ Electronics Athleta vs Cynergi Virtus

12-04-2015 – 14:45 –  Cynergi Virtus vs AtoZ Electronics Athleta

19-04-2015 – 16:30 – AtoZ Electronics Athleta vs Cynergi Virtus

26-04-2015 – 16:30 – Cynergi Virtus vs AtoZ Electronics Athleta

01-05-2015 – 16:30 – AtoZ Electronics Athleta vs Cynergi Virtus





Leave a comment