Cynergi Depiro u Bupa Luxol jibdew il-play-offs bir-rebħ

Monday, March 27, 2017, 18:50

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

minn Colin Schembri

Cynergi Depiro 63

Floriana MCP Car Parks 60

(11-18)(20-10)(9-13)(23-19)

Three pointer ta’ Robert Bonnici fl-aħħar 1.03 sekondi kien deċisiv għal Cynergi Depiro biex ħadu l-ewwel rebħa fis-serje tas-semifinali tagħhom kontra Floriana MCP Car Parks. Ir-rebħa ta’ Depiro mmaturat fl-aħħar sessjoni meta fis-sitt minuta Floriana kienu 10 punti minn fuq 54-44. Depiro bdew il-partita b’żewġ baskets ta’ DJ Mason u Robert Bonnici. Floriana wieġbu b’run ta’ 11-0 bi trippla ta’ Nikola Vasovic u wara li Depiro waqqfuhom bi trippla ta’ Kurt Xuereb, Floriana komplew il-punti ta’ Shawn Pace u Anton Axiaq biex temmew l-ewwel perjodu 18-11 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni Floriana bdew b’żewġ baskets oħra minn Chad Patus u Axiaq biex żiedu l-vantaġġ għal 11 –il punt. Depiro għamlu reazzjoni b’żewġ three pointers ta’ Bonnici u baskets ta’ Mason f’run ta’ 10-0. Floriana kellhom żewġ baskets minn Vasovic però Depiro komplew b’run oħra ta’ 10-0 b’aktar punti ta’ Mason, David Bugeja u trippla oħra ta’ Xuereb. Qabel l-intervall basket ta’ Patus naqqas id-disakk u fl-intervall Depiro kienu tlett punti minn fuq 31-28.

Wara l-mistrieħ reġgħu kienu Depiro li fetħu tajjeb b’żewġ baskets ta’ Bugeja u t-tielet trippla ta’ Xuereb. Three pointer ta’ Patus fetaħ run ta’ 13-2 għal Floriana li kellhom ukoll il-punti ta’ Sean Borg u Vasovic biex temmew it-taqsima 41-40 minn fuq. Il-mument tajjeb ta’ Floriana kompla fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni b’disa’ punti mingħajr risposta fosthom trippla oħra ta’ Patus biex fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 50-40. Għal darbtejn iż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin biex Floriana żammew l-istess vantaġġ. Depiro finalment bdew jirkupraw fejn kien Bonnici li mexxa r-rimonta tagħhom flimkien ma’ Mason li kiseb tlett three pointers f’temp ta’ minuta u nofs u għamel l-iskor indaqs 60-60. Floriana kellhom il-pussess tal-ballun però tilfuh u Depiro żammew il-pussess fl-aħħar 25 sekonda u l-ballun wasal għand Robert Bonnici fl-aħħar 1.03 sekondi li għamel it-three pointer tar-rebħa hekk kif ma kienx għad fadal ħin għal Floriana biex isalvaw il-partita.

Cynergi Depiro: N. Grech, D. Bugeja 8, R. Bonnici 17, D. Schembri, A. Aquilina, DJ Mason 25, T. Zammit, M. Mallia, A. Quiros 2, K. Xuereb 9, M. Borg, D. Scafidi 2.

Floriana MCP Car Parks: C. Patus 23, S. Pace 3, S. Borg 8, N. Vasovic 16, C. Calleja, A. Axiaq 10, A. Micallef Trigona, N. Andrejevic.

Referees: Emanuel Mangani, Ivica Simic, Igor Marjanovic.

Gżira Athleta 61

Bupa Luxol 81

(26-18)(9-30)(10-23)(16-12)

Bupa Luxol kellhom possibilment waħda mill-aħjar

Ritratt: Wally Galea

prestazzjonijiet tagħhom dan l-istaġun biex għelbu lil Gżira Athleta 81-61 u ħadu l-ewwel rebħa fis-semifinali tal-play-offs. Il-partita kellha bidu stupend fejn Athleta għamlu l-ewwel 21 punt tagħhom minn seba’ three pointers fosthom erbgħa minn David Camilleri, tnejn ta’ Peter Shoults u ieħor ta’ Michael Naudi. Luxol kellhom il-punti minn Samuel Deguara flimkien mat-three pointers ta’ Pierce Cumpstone u Jean Paul Schembri però punti ta’ Naudi u Marakinyo Williams raw lil Athleta jtemmu l-ewwel sessjoni 26-18 minn fuq. Luxol komplew jiġru wara l-avversarji fit-tieni taqsima u rnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs 29-29 b’aktar punti ta’ Deguara, Schembri u trippla ta’ William Ahlberg.  Athleta reġgħu marru minn fuq bi three pointer ta’ Billy Zammit però Luxol ħasduhom bi break qawwi ta’ 19-3 b’sensiela oħra ta’ three poiners minn Schembri u Cumpstone u fetħu vantaġġ ta’ 13 –il punt 48-35.

Wara l-intervall ir-reazzjoni tal-Athleta ma waslitx minkejja li fetħu b’basket ta’ Williams u trippla ta’ Shoults. Luxol kellhom run oħra ta’ 14-0 bil-punti ta’ Cumpstone, Deguara u CJ Cordina biex fetħu vantaġġ ta’ 29 punt 69-40 u temmew it-taqsima 71-45 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni, Athleta tħabtu biex jerġgħu jidħlu fil-partita. Wara punti fuq kull naħa li ħallew lil Luxol 25 punt minn fuq, Athleta għamlu break ta’ 11-0 fosthom trippla oħra ta’ Zammit però kienu għadhom 14 minn taħt u l-ħin kien kontra tagħhom. Luxol serrħu rashom bl-aħħar punti ta’ Cumpstone u Ahlberg biex rebħu l-partita 81-61.

Gżira Athleta: M. Naudi 11, R. Vella 1, D. Camilleri 12, M. Williams 12, P. Shoults 13, F. Mifsud Bonnici, B. Zammit 10, L. Stefanovic, S. Vincic, M. Gauchi Montaldo, J. Whitehead 2.

Bupa Luxol:  CJ Cordina 6, M. Mercieca, M. Sjoberg, D. Meli, J. Maistre Melillo, JP Schembri 17, K. Dimech 2, W. Ahlberg 9, P. Cumpstone 30, S. Deguara 17, S. Cappello.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Ivica Simic.

Ritratt: Wally Galea





Leave a comment