Cynergi Depiro jerġgħu jieħdu l-ewwel post wara rebħa fuq Bupa Luxol

Monday, February 27, 2017, 17:00

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

minn Colin Schembri

Bupa Luxol 76

Cynergi Depiro 85

(29-13)(13-28)(18-25)(16-23)

Cynergi Depiro reġgħu telgħu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika wara rebħa fuq Bupa Luxol 85-76. Luxol kellhom bidu qawwi fejn saħansitra kellhom vantaġġ ta’ 17 –il punt fl-ewwel sessjoni però Depiro ġew lura b’wirja mill-aqwa mit-tieni sessjoni ‘l quddiem. Luxol kellhom nieqes lil William Ahlberg fil-waqt li Depiro kienu mingħajr Steve Sammut però rkupraw lil Alvaro Querios. Luxol kellhom shooting mill-aqwa fil-bidu tal-partita speċjalment minn CJ Cordina li flimkien ma’ Jean Paul Schembri bdew bi tlett three pointers biex fetħu vantaġġ ta’ sitt punti 11-5. Luxol komplew b’run ta’ 15-2 b’punti minn Samuel Deguara u Pierce Cumpstone biex marru 26-9 minn fuq. Huma għalqu l-perjodu bir-raba’ trippla ta’ Cordina għal skor ta’ 29-13. Il-partita daret fit-tieni sessjoni meta Depiro bdew ġejjin lura u għamlu run ta’ 12-2 bit-three pointers ta’ Andrew Aquilina, Kurt Xuereb u Robert Bonnici. L-Amerikan DJ Mason ukoll kellhu s-sehem tiegħu hekk kif Luxol sabi diffikulta biex jagħmlu l-punti u Depiro komplew bi break ta’ 7-2 biex marru minn fuq għall-ewwel darba. Basket ta’ Deguara poġġa mill-ġdid lil Luxol fuq quddiem qabel il-halftime għal skor ta’ 42-41.

Wara l-intervall iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin bid-Depiro jmorru fuq quddiem bi trippla ta’ David Bugeja bil-Luxol iwieġbu bil-punti konsekuttivi ta’ Keith Dimech. Il-vantaġġ inbidel għal darba darbtejn biż-żewġ timijiet ikollhom breaks qosra ta’ 7-0 għalkemm lejn it-tmiem Depiro kellhom il-punti ta’ Mason u trippla minn Aquilina biex fetħu vantaġġ ta’ sitt punti 66-60. Fl-aħħar taqsima, Luxol, li kellhom lil Deguara fuq ir-raba’ foul, reġgħu waslu viċin tal-avversarji bil-punti ta’ Cumpstone. Lejn it-tmiem Depiro kellhom run ta’ 10-2 b’żewġ trippli minn Mason u Aquilina biex marru 11 minn fuq 85-74. Luxol ppruvaw iwaqqfu l-arloġġ bil-fouls però Bugeja kien preċiż fuq il-free throw line biex Depiro ħadu r-rebħa.

Bupa Luxol:  CJ Cordina 12, M. Mercieca 4, D. Meli, J. Maistre Melillo, JP Schembri 3, K. Dimech 12, P. Cumpstone 21, S. Deguara 16, S. Cappello 2.

Cynergi Depiro: D. Bugeja 18, R. Bonnici 8, D. Schembri, A. Aquilina 9, DJ Mason 30, T. Zammit, M. Mallia, A. Quiros 10, K. Xuereb 14, M. Borg, D. Scafidi.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Christine Farrugia.

Hibernians 53

Gżira Athleta 65

(14-17)(13-20)(14-13)(12-15)

Gżira Athleta għamlu d-double fuq Hibernians fil-kampjonat wara li għelbuhom 65-53 biex it-tamiet tal-Pawlisti li jaslu għall-play-offs issa huma minimi ħafna. Athleta komplew isaħħu t-team tagħhom bl-akkwist tal-player Ingliż Marakinyo Williams player ta’ statura u se jiswa ħafna taħt il-boards. Fil-bidu tal-partita, Hibs kienu għal darbtejn fuq quddiem qabel ma Athleta għamlu run ta’ 12-0 mibdija minn Roderick Vella. Huma komplew bi trippla ta’ Peter Shoults flimkien mal-punti ta’ Micheal Naudi u minkejja li Hibs għamlu l-aħħar sitt punti tal-perjodu, Athleta temmewh fuq quddiem 17-14. Athleta bdew it-tieni taqsima b’run oħra ta’ 8-2 biex reġgħu marru 9 minn fuq 25-16. Hawn kien hawn punti fuq naħa fosthom trippli minn Vella u Alvaro Lizaur għal Hibs biex Athleta daħlu jistrieħu 37-29 minn fuq.

Fit-tielet perjodu Athleta bdew bil-punti ta’ Josiah Whitehead u Vella qabel ma Hibs għamlu break qasir ta’ 7-2 b’punti minn Lizaur u Adrian Micallef. Athleta wkoll wieġbu b’run ta’ 7-0 minn Naudi u Whitehead però Hibs wieġbu bl-istess punteġġ bi trippla ta’ Luke Farrugia biex Athleta baqgħu fuq quddiem 50-41. Fl-aħħar sessjoni, Athleta komplew bil-punti ta’ Naudi u trippla ta’ Billy Zammit. Hibs ippruvaw jirkupraw hekk kif Lizaur kellhu trippla oħra però Athleta wieġbu għal kull basket li sofrew biex baqgħu jikkontrollaw il-vantaġġ li kellhom u ħarġu rebbieħa 65-53.

Hibernians: P. Attard, M. Houmpton, E. Xuereb, L. Farrugia 7, S. Attard, I. Bonett, K. Sultana, A. Micallef 8, M. Matijevic 7, S. Vella, F. Mariani 4, A. Lizaur 27.

Gżira Athleta: M. Naudi 23, R. Vella 9, D. Camilleri, M. Williams 8, P. Shoults 9, F. Mifsud Bonnici, B. Zammit 5, S. Vincic, J. Whitehead 11.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic, Igor Marjanovic.

Floriana MCP Car Parks 94

Starlites 72

(23-15)(16-18)(32-13)(23-26)

Floriana MCP Car Parks irritornaw għar-rebħ u grazzi wkoll għat-telfa tal-Hibs fil-partita ta’ qabel, komplew isaħħu r-raba’ post tal-klassifika qabel il-play-offs. Iż-żewġ timijiet kellhom il-formazzjoni tipika tagħhom u l-partita kellha bidu bilanċjat fejn Floriana marru 9-6 minn fuq bi trippla ta’ Chad Patus u punti ta’ Nikola Vasovic li però ma kompliex il-partita wara l-ewwel sessjoni. Floriana komplew bil-punti ta’ Shawn Pace u Patus u għalkemm Starlites kellhom il-punti ta’ Nikola Vasovic u Jacob Formosa, Floriana temmew it-taqsima 23-15 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Starlites naqqsu d-distakk wara trippli minn Formosa u Ivan Mitrovic. Floriana wieġbu bil-punti ta’ Sean Borg u Patus però kien Mitrovic li għamel l-aħħar punti tat-taqsima bi trippla biex fl-intervall Floriana kellhom vantaġġ ta’ sitt punti 39-33.

Fit-tielet taqsima, Floriana ddominaw il-partita primarjament grazzi għall-punti kontinwi ta’ Pace li beda mal-ewwel b’żewġ three pointers u kompla b’total ta’ 17 –il punt. Floriana kellhom ukoll run ta’ 11-0 u kien biss lejn tmiem it-taqsima li Starlites irnexxielhom jirrispondu biex il-vantaġġ Furjaniż kiber għal 25 punt. Fl-aħħar taqsima però, Starlites reġgħu daħlu sew fil-partita meta bdew bi break ta’ 13-0 bil-punti ta’ Alec Felice Pace u trippla ta’ Ryan Carabott. Floriana waqqfuhom f’żewġ free-throws ta’ Borg però Starlites komplew bi break ieħor ta’ 11-5 biex naqqsu d-distakk għal 8 punti 70-78. Hawn Starlites żbaljaw xi okkażjonijiet faċli taħt il-boards u Floriana ma ħafrux u għalqu l-partita b’run ta’ 10-0 bi trippla ta’ Nikola Andrejevic u punti ta’ Clayton Calleja u Anton Axiaq u rebħu l-partita 94-72.

Floriana MCP Car Parks: C. Patus 25, S. Pace 22, S. Borg 8, N. Vasovic 6, C. Calleja 10, A. Axiaq 6, A. Micallef Trigona 5, N. Andrejevic 12.

Starlites: I. Mitrovic 15, R. Carabott 4, L. Vella, A. Schembri 2, M. Azzopardi, M. Falzon 2, A. Felice Pace 6, N. Stankovic 16, J. Formosa 27, M. Vella, O. Psaila.

Referees: Bernard Vassallo, Igor Marjanovic, Christine Farrugia.

Klassifika Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Cynergi Depiro

8

6

2

14

597

548

Gżira Athleta

8

5

3

13

583

531

Bupa Luxol

8

5

3

13

642

575

Floriana MCP Car Parks

7

4

3

11

557

515

Starlites

8

2

6

10

598

743

Hibs

7

1

6

8

515

580





Leave a comment