Cynergi Depiro jegħlbu lil Gżira Athleta u jilħqu lil Floriana fl-ewwel post

Monday, January 16, 2017, 21:04

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

minn Colin Schembri

Hibernians 94

Starlites 103

(26-28)(22-24)(24-31)(22-20)

F’waħda mill-isbaħ partiti tal-istaġun, Starlites għelbu lil Hibernians 103-94 biex kisbu t-tieni rebħa tagħhom tal-kampjonat u ħallew lil Pawlisti mingħajr rebħa fil-kampjonat. Iż-żewġ timijiet kellhom prestazzjoni tajba speċjalment fl-attakk bil-coach ta’ Starlites Alfred Mifsud ħalla l’istess ħames players fuq il-court għall-partita kollha ħlied għal bidla sfurzata bil-ħames foul ta’ Nikola Stankovic. Hibs kienu t-team li wettaq l-aktar turnovers u dan wassalhom biex jitilfu l-partita. Il-punti bdew ġejjin mill-bidu hekk kif Starlites kellhom it-trippli ta’ Ivan Mitrovic, Jacob Formosa u Stankovic biex marru 17-8 minn fuq. Hibs wieġbu bil-punti ta’ Alvaro Lizaur u trippla ta’ Luke Farrugia u resqu viċin. Lizaur kompla b’ħames punti oħra però basket ta’ Alec Felice Pace ħalla lil Starlites fuq quddiem 28-26. Fit-tieni perjodu Hibs irnexxielhom jieħdu l-vantaġġ wara żewġ trippli ta’ Stefan Vella. L-ex Ryan Carabott wieġeb b’żewġ three pointers konsekuttivi għal Starlites biex reġa’ poġġijhom minn fuq. Ir-risposta ta’ Hibs waslet għal darb’oħra bil-punti ta’ Lizaur qabel ma Felice Pace reġa’ poġġa lil Starlites minn fuq biex huma daħlu jistrieħu erbgħa minn fuq fuq skor għoli ta’ 52-48.

Wara l-intervall Starlites bdew bi break ta’ 9-2 bil punti ta’ Formosa biex fetħu vantaġġ ta’ 12 –il punt. Hibs kellhom il-punti ta’ Marco Matijevic u Paul Attard però Starlites wieġbu bi trippla ta’ Mitrovic flimkien ma’ Formosa u Stankovic. Hibs reġgħu resqu viċin bi break ta’ 9-0 minn Matijevic u Lizaur però Starlites għalqu t-taqsima bi break ta’ 13-5 b’żewġ trippli oħra minn Carabott u Formosa għal skor ta’ 83-72. Fl-aħħar taqsima Starlites kabbru l-vantaġġ għal 17 –il punt 92-75. Hibs ma ċedewx u kellhom run ta’ 13-0 li bdewha bi trippla ta’ Lizaur flimkien mal-punti ta’ Adrian Micallef u reġgħu naqqsu d-distakk għal 4 punti 88-92. Punti ta’ Mitrovic u Formosa kabbru l-vantaġġ ta’ Starlites u meta Hibs bdew jagħmlu l-fouls biex iwaqqfu l-arloġġ, Starlites kienu preċiżi mill-free-throw line biex rebħu l-logħba 103-94.

Hibernians: P. Attard 2, E. Xuereb, L. Farrugia 5, I. Bonett, K. Sultana, A. Micallef 18, M. Matijevic 22, S. Vella 8, F. Mariani, A. Lizaur 39.

Starlites: I. Mitrovic 28, M. Azzopardi, L. Vella,  R. Carabott 10, C. Schembri, M. Falzon, A. Felice Pace 15, N. Stankovic 19, J. Formosa 31, A. Schembri, M. Vella, T. Grech.

Referees: Teemu Helenius, Zvezdan Dobrosaviljevic, Christine Farrugia.

Gżira Athleta 63

Cynergi Depiro 69

(19-14)(18-16)(16-20)(10-19)

F’partita missielta Cynergi Depiro taw it-tieni telfa lil Gżira

Ritratt: Wally Galea

Athleta biex qabżuhom fil-klassifika. Athleta kellhom nieqes lil Nicolai Lubrani li ġie lura l-ġimgħa li għaddiet kif ukoll lil Judah Bos u Miguel Gauchi Montaldo. Depiro mill-banda l’oħra kienu msaħħa bl-akkwist ta’ Steve Sammut u setgħu jutiliżżaw lil Alvaro Querioz bħala local foreigner flimkien maż-żewġ Amerikani. Athleta kellhom l-aħjar bidu meta bdew il-partita bi break ta’ 11-2 bi trippla ta’ Roderick Vella u baskets minn Michael Naudi u Peter Shoults. Depiro wkoll wieġbu bi break ta’ 10-3 bit-three pointers ta’ Dominic Scafidi u Kurt Xuereb però punti ta’ Josiah Whitehead raw lill-Athleta jtemmu t-taqsima 19-14 minn fuq. Fit-tieni taqsima, aktar punti ta’ Naudi komplew ikabbru l-vantaġġ għall-Athleta. Depiro wieġbu b’run oħra ta’ 10-0 bil-punti ta’ DJ Mason u trippla ta’ Andrew Aquilina biex marru minn fuq 28-26. Wara time-out, Athleta rkupraw u għalqu l-perjodu bi break ta’ 11-2 bi trippla ta’ David Camilleri u l-punti ta’ Vella u Naudi biex daħlu jistrieħu 37-30 minn fuq.

Fit-tielet perjodu, trippla fuq kull naħa ħalliet l-istess distakk bejn iż-żewġ timijiet. Hawn Mason daħal aktar fil-partita u Depiro reġgħu waslu sa’ basket ‘l bogħod 43-45. Trippla ta’ Xuereb ġiet imwieġba b’oħra ta’ Whitehead biex Athleta temmew it-taqsima 53-50 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni, Athleta reġgħu marru 7 minn fuq iżda f’din it-taqsima kien Whitehead biss li għamel il-punti. Depiro kellhom run ta’ 13-2 bil-punti ta’ Mason u David Bugeja biex fetħu vantaġġ ta’ 4 punti 64-60. Athleta naqqsu d-distakk għal punt però kienu Depiro li għalqu l-partita b’ħames punti mingħajr risposta biex ħarġu rebbieħa 69-63.

Gżira Athleta: M. Naudi 18, R. Vella 14, D. Camilleri 4, L. Stefanovic, P. Shoults 5, F. Mifsud Bonnici, B. Zammit, S. Vincic, J. Whitehead 22.

Cynergi Depiro: S. Sammut, D. Bugeja 13, R. Bonnici, D. Schembri, A. Aquilina 10, DJ Mason 24, T. Zammit, M. Mallia, A. Queiros 7, K. Xuereb 6, M. Borg, D. Scafidi 7.

Referees: Emanuel Mangani, Stephen Micallef,  Zvezdan Dobrosaviljevic.

Floriana MCP Car Parks 64

Bupa Luxol 75

(7-19)(10-19)(21-22)(26-15)

Floriana MCP Car Parks sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun

Ritratt: Wally Galea

kontra Bupa Luxol. Luxol kienu msaħħa bir-ritorn ta’ Marco Mercieca u William Ahlberg iżda fuq kollox Luxol irreġistraw lil Samuel Deguara magħhom għall-kumplament tal-istaġun. Il-preżenza ta’ Deguara ħalliet impatt mal-ewwel hekk kif Luxol bdew il-partita bi break ta’ 15-2 bi trippli ta’ Ahlberg u Keith Dimech u l-punti tal-Amerikan Pierce Cumpstone u Deguara. Floriana sabu diffikulta biex jagħmlu l-punti hekk kif ma setgħux jinfdu ż-żona avversarja u Luxol temmew it-taqsima 19-7 minn fuq. Luxol komplew it-tieni taqsima bi break ieħor ta’ 11-0 bi trippla ta’ Jean Paul Schembri. Hawn Deguara kkometta t-tielet foul u kellhu jinbidel u Floriana gradwalment bdew jiksbu l-punti però Luxol xorta rrispondew fosthom bi trippla ta’ Ahlberg biex daħlu jistrieħu 37-17 minn fuq.

Wara l-intervall, Luxol baqgħu jżommu vantaġġ komdu minkejja li Floriana kellhom it-trippli ta’ Nicola Vasovic u Shawn Pace. B’Deguara lura fuq il-court, Luxol kellhom run oħra ta’ 13-6 b’punti min Cumpstone biex temmew il-perjodu 22 punt minn fuq 60-38. Fl-aħħar taqsima, Floriana tħabtu biex jerġgħu jidħlu fil-partita u kellhom run ta’ 14-2 bit-trippli ta’ Nick Andrejevic flimien ma’ Sean Borg u Anton Axiaq. Huma waslu sa’ tnax –il punt però l-aħħar punti ta’ Cumpstone u Deguara għalqu l-partita favur Luxol fuq skor finali ta’ 75-64.

 

Floriana MCP Car Parks: C. Patus 7, S. Pace 8, S. Borg 7, N. Vasovic 9, C. Calleja, A. Axiaq 17, N. Andrejevic 12.

Bupa Luxol:  M. Mercieca 4, J. Maistre Melillo, JP Schembri 7, K. Dimech 7, W. Ahlberg 15, P. Cumpstone 22, S. Deguara 14, S. Cappello 6.

Referees: Bernard Vassallo, Christine Farrugia, Zvezdan Dobrosaviljevic.

 

Ritratti: Wally Galea





Leave a comment