Cynergi Depiro b’rebħa importanti fuq ic-Champions

Monday, February 19, 2018, 17:00

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

minn Colin Schembri

Starlites GIG 75

Gżira Athleta 85

(16-13)(26-17)(18-29)(15-26)

Gżira Athleta kellhom jistennew sal-aħħar sessjoni biex jegħlbu l-isfida qawwija ta’ Starlites GIG li kienu taħt it-tmexxija l-ġdida ta’ Paul Ferrante. Fil-fatt Starlites kienu għal ħin twil fuq quddiem tul il-partita u għal xi waqtiet kellhom ukoll vantaġġ kbir però run qawwija lejn tmiem it-tielet sessjoni dawwret il-partita favur it-team imexxi min Ray Muscat.  Starlites kellhom ukoll ir-ritorn ta’ Miguel Falzon u Ian Felice Pace li ħadu post Isaac Pace u Nicola Andrejevic fil-waqt li Michael Naudi u Francesco Mifsud Bonnici għadhom neqsin għall-Athleta. Wara basket fuq kull naħa, Starlites bdew jiftħu vantaġġ u punti ta’ Robert Bonnici u Mitchell Brewe poġġewhom 9-2 minn fuq. Athleta wieġbu bi trippla ta’ Nathan Xuereb flimkien mal-Amerikan Jon Feiler li qabel il-partita kien ippremjat bl-unur tal-BOV player tax-xahar għal Jannar. Brewe żied il-vantaġġ ta’ Starlites bi trippla però Omar Said ukoll wieġeb bi three pointer biex Starlites temmew is-sessjoni 16-13 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Starlites bdew bi break ta’ 9-3 iżda Athleta kellhom risposta oħra minn Feiler u reġgħu resqu viċin. Starlites però komplew jippressaw u b’runs qosra ta’ 8-2 u 9-0 daħlu jistrieħu 12 minn fuq 42-30.

Wara l-intervall, Athleta naqqsu l-iżvantaġġ bil-punti ta’ Feiler u Ivan Mitrovic. Starlites ġew lura u kellhom il-baskets minn Brewe u trippla ta’ Shawn Pace biex fetħu vantaġġ massimu ta’ 18 –il punt 52-34. Said reġa’ wieġeb għall-Athleta bi Starlites jibqgħu jikkontrollaw u żammew vantaġġ ta’ 17 –il punt wara baskets minn Brewe 60-43. Hawn wasal mument stupend minn Athleta li f’daqqa waħda rkupraw u mmexxija minn Said għamlu break ta’ 16-0 fosthom 4 trippli konsekuttivi mill-istess Said flimkien ma’ Mitrovic u Peter Shoults u rnexxielhom li jnaqqsu d-distakk għal punt 59-60. Said poġġijhom għall-ewwel darba minn fuq kif bdiet ir-raba’ taqsima qabel ma Starlites wieġbu bil-punti ta’ Brewe u Ryan Carabott. Said kompla bit-three pointers tiegħhu biex Athleta reġgħu ħadu l-vantaġġ. Huma komplew b’run oħra ta’ 9-2 bex fetħu vantaġġ ta’ sitt punti 78-72. Minkejja li Starlites wieġbu permezz ta’ Brewe, Athleta kellhom sensiela ta’ free-throws lejn it-tmiem biex spiċċaw il-partita b’vantaġġ ta’ 10 punti 85-75.

Starlites GIG: S. Pace 3, M. Azzopardi, R. Bonnici 9, A. Schembri, S. Borg, M. Falzon 4, A. Felice Pace 7, R. Carabott 8, O. Psaila, I. Felice Pace, J. Wait, M. Brewe 44.

 

Gżira Athleta: B. Zammit, P. Shoults 4, L. Stefanovic, O. Said 26, S. Saakian, N. Xuereb 6, S. Vincic, I. Mitrovic 18, J. Feiler 31.

Referees: Nicky Azzopardi, Stephen Micallef, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Bupa Luxol 77

Cynergi Depiro 81

(14-20)(22-16)(26-26)(15-19)

Cynergi Depiro kisbu rebħa ferm importanti fil-ġlieda

Ritratt: Wally Galea

tagħhom għal post fil-play-offs meta għelbu lil Bupa Luxol 81-77 u ħadu t-tieni rebħa tagħhom tal-kampjonat. Il-partita kienet missielta ferm bl-ebda team ma jċedi pulzier u ż-żewġ timijiet għal ħin twil kienu viċin ta’ xulxin. Fil-fatt kien biss fl-ewwel taqsima li Depiro kellhom vantaġġ ta’ 10 punti għaliex minn hemm ‘l quddiem iż-żewġ timijiet kienu ferm viċin ta’ xulxin. Keith Dimech kien biss spettatur fuq il-bank għal din il-partita u Luxol ħassew in-nuqqas tiegħhu. Depiro kellhom nieqsa lil Nicholas Grech u Andy Attard. Kienu Depiro li kellhom l-aħjar bidu meta bil-punti ta’ David Bugeja u Dominic Scafidi marru 14-4 minn fuq. Wara time-out, Luxol tejjbu l-logħba tagħhom u dawwru l-ballun aktar fl-attakk u u rnexxielhom inaqqsu d-distakk għal basket wara punti konsekuttivi ta’ William Ahlberg. Depiro għalqu t-taqsima sitta minn fuq wara żewġ baskets ta’ Scafidi u Kurt Xuereb għal skor ta’ 20-14. Fit-tieni taqsima Depiro kabbru l-vantaġġ mill-ġdid wara trippla ta’ David Camilleri flimkien ma’ Bugeja u Scafidi. Luxol ġew lura permezz tat-three pointers minn Ahlberg u Jean Paul Schembri flimkien mal-punti ta’ CJ Cordina u Kyle Meyer u marru minn fuq però basket ta’ Malcolm Mallia ra lil Depiro jippareġjaw il-partita 36-36.

Fit-tielet sessjoni, Luxol fetħu vantaġġ ta’ sitt punti hekk kif Ahlberg kiseb żewġ three pointers oħra. Depiro rrispondew permezz ta’ Scafidi u Xuereb li wkoll għamel trippla biex marru 49-48 minn fuq. Il-partita kompliet bl-istess andament tul is-sessjoni kollha fejn Luxol bdew jieħdu vantaġġ però Depiro dejjem ġew lura. Nicola Vasovic kellhu żewġ trippli konsekuttivi però Scafidi kompla jikseb il-punti biex għal darb’oħra t-taqsima ntemmet f’parita 62-62. Fl-aħħar sessjoni l-punti naqsu xi ftit hekk kif daħlet il-biża tat-telfa. Depiro rnexxielhom imorru 6 minn fuq wara trippla ta’ Camilleri. Luxol qatt ma rnexxielhom jerġgħu jilħuhom għaliex kull darba Depiro bdew jirrispondu biex żammew vantaġġ rebbieħ sa’ tmiem il-partita fuq skor ta’ 81-77.

Bupa Luxol: CJ Cordina 2, M. Sjoberg, N. Vasovic 18, J. Mellilo, JP Schembri 6, K. Dimech, W. Ahlberg 23, K. Meyer 21, A. Micallef Trigona 7.

Cynergi Depiro: E. Briffa, D. Bugeja 22, D. Camilleri 6, L. Duckinson, A. Aquilina 3, M. Mallia 6, K. Xuereb 9, M. Borg, D. Scafidi 35.

Referees: Emanuel Mangani, Gordon Barbara, Ivica Simic.

Klassifika Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Gżira Athleta

7

6

1

13

580

515

Bupa Luxol

7

4

3

11

598

540

Hibs

6

4

2

10

482

435

Cynergi Depiro

6

2

4

8

430

478

Starlites

6

0

6

6

429

551





Leave a comment