Cycling: Formosa b’rebħa sogħda f’Selmun fir-raba tellieqa tal-BDO Malta National Points Series

Monday, July 10, 2017, 10:05

Il-mewġa ta’sħana li laqtet il-gżejjer Maltin matul tmiem Il-ġimgħa li għaddiet ma fixklitx is-sitta u għoxrin ċiklist li kienu qedin jikkompetu fir-raba tellieqa tal-cross country mountain bike – il-BDO Malta National Points Series li saret f’Selmun. Minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp, l-organizzaturi ddeċidew li jnaqqsu dawra mir-rotta għall-kategoriji kollha.

Il-Kategorija Elite, bħas-soltu kellha bidu mgħaġġel, meta Mark Bonnici u Maurice Formosa ħadu l-ewwel postijiet fuq quddiem biex stabilixxew il-pass. Iż-żewġ ċiklisti poġġew l-esperjenza tagħhom f’korsijiet tekniċi biex jippermettulhom joħolqu distakk fit-taqsima downhill. Madankollu, kien Formosa li ha postu fuq quddiem fl-ewwel telgħa meta kompla jżid dan id-distakk u biex b’hekk jkollu vantaġġ komdu. Formosa spiċċa biex rebaħ l-ewwel tellieqa tiegħu tas-Serje f’hin ta’ 53 minuta 46 sekonda.

Fil-frattemp, Etienne Bonello naqqas id-distakk li kien hemm bejnu u bejn Bonnici u Patrick Scicluna biex jipożizjona ruħu fit-tieni post. Madanakollu, panċer fil-bidu tat-tieni dawra telfitu hin sostanzjali. Minkejja dan id-dewmien, Bonello għamel dawra impressjonanti f’tentattiv biex ilaħħaq ma ‘Bonnici u Scicluna li kienu għaddejjin flimkien għall-maġġoranza tat-tellieqa. Sfortunatament għal Bonello, l-isforzi tiegħu ma kienux biżżejjed u ma rnexiliux jikseb post fuq il-podju għal erbatax il-sekonda. Scicluna u Bonnici spiċċaw it-tellieqa fit-tieni u tielet post, b’ħinijiet ta’ 57 minuta 36 sekonda u 58 minuta 21 sekonda rispettivament.

Fil-Kategorija Open, it-tellieqa kienet dominata mill-kompetizzjoni qawwija bejn Mark Zammit, Ryan Darmanin u Wayne Schembri. Dawn it-tliet ċiklisti ddominaw il-podju għall-biċċa l-kbira tas-Serje. B’tlett rebħiet Żammit jinsab fuq quddiem. Il-ħinjiet ta’ kull dawra reġistrata minn dawn iċ-ċiklisti tikkumpara sew ma xi wħud mill-ħinijiet taċ-ċiklisti fil-Kategorija Elite.

Fil-Kategorija tal-Masters, kienet tellieqa bejn Enrico Bradamante, Domenic Cutajar u Alessandro Frullani. Bradamante, li rebaħ it-tlielaq kollha li kkompeta fihom, żamm l-ewwel post matul it-tellieqa. Il-Kategorija Junior kienet tellieqa waħdiena għal Benjamin Mangion, filwaqt li fil-Kategorija tan-Nisa, Marie Claire Aquilina kompliet id-dominju tagħha b’rebħa komda fuq Lara Buttigieg.

Elite (5 laps)

1st Maurice Formosa 53:46

2nd Patrick Scicluna 57:36

3rd Mark Bonnici 58:21

 

Open (3 laps)

1st Mark Zammit 34:39

2nd Ryan Darmanin 35:48

3rd Wayne Schembri 36:18

 

Ladies (3 laps)

1st Marie Claire Aquilina 39.58

 

Masters 40+ (3 laps)

1st Enrico Bradamante 40:33

 

Juniors (3 laps)

1st Benjamin Mangion 1:01:06

 

Klassifika Ġenerali

Wara r-raba tellieqa tal-BDO Malta National Point Series, huma Patrick Scicluna, Etienne Bonello u Brandon Sultana li qegħdin imexxu l-Klassifika Ġenerali. Meta fadal biss żewġ tlielaq u tletin punt li jisseparaw lil

Scicluna u lil Bonello, it-titlu għadhu miftuħ. Bl-istess mod, fil-Kategorija Open jidher li il-pozizjonijiet fuq il-podium huma riżervati għal Zammit, Darmanin u Schembri, għalkemm id-differenza bejniethom hija minima u b’hekk il-Klassifika Ġenerali għadha miftuħa għal bidliet. Sakemm ma’jkun hemm xi forza maġġuri, Marie Claire Aquilina tidher li għaddejja sew għat-titlu globali fil-Kategorija tan-Nisa. Enrico Bradamante jeħtieġ li jikkompeti u jikseb post tajjeb fil-Kategorija tal-Masters fiż-żewġ tlielaq li għad fadal. Il-Kategorija Junior, li hija l-kategorija l-anqas ikkompetuta, tara rabta bejn Nicholas Attard Montalto u Benjamin Mangion, li ż-żewġ rebħu tellieqa kull wieħed.

“L-Assoċjazzjoni tinsab kuntenta bil-parteċipazzjoni, li kienet konsistenti ma tlielaq oħra minkejja is-sħana li ħakmet lil Malta fit-tmiem il-ġimgħa. Għadna ftit diżappuntat bil-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-juniors iżda ninsabu ferm sodisfatti bin-numri u l-prestazzjoni – iċ-ċiklisti qedin jagħtu spettaklu tajjeb lill-ispettaturi li regolarment jaraw it-tlielaq tagħna”temm jgħid Pierre Zammit Endrich, President, Malta Mountain Bike Association.

Il- BDO Malta National Point Series se tieħu waqfa qasira għas-sajf u terġa lura b’żewġ tlielaq nhar il-Ħadd 3 u l-10 ta’ Settembru. Il -Kampjonati Nazzjonali tal-Cross Country se jsiru nhar il-Ħadd 1 ta’ Ottubru.

 

Photo credit Angie Conti





Leave a comment