Cycling: Christian Formosa Champion għall-ewwel darba

Wednesday, July 19, 2017, 12:30

Dan l-aħħar għadu kif intemm il-Kampjonat Nazzjonali tar-Road Race organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu fejn l-akkwist il-ġdid ta’ The Cyclist spiċċa għall-ewwel darba bħala c-Champion Nazzjonali wara li kien tant viċin li jagħmel dan fl-aħħar staġuni. Christian Formosa tella total ta’ 555 punt, miksuba minn żewġ rebħiet f’San Martin u f’Tal-Maqluba u t-tielet post f’Ta’ Penellu. Fit-tieni post b’total ta’ 490 punt, ikklassifika ħuħ, Maurice Formosa, membru tal-istess klubb ta’ The Cyclist CC. Fit-tielet post spiċċa Etienne Bonello tat-Team Greens b’total ta’ 440 punt.

Bħala Champion Feminili ittrijonfat Michelle Vella Wood tat-Team Greens fejn ikkonfermat l-istaġun ferm tajjeb tagħha wara anke r-rebħ tal-medalja tal-fidda f’San Marino fejn hija spiċċat l-ewwel b’total ta’ 550 punt. Dawn il-punti kienu akkwistati minn rebħa f’Ta’ Penellu u darbtejn it-tieni f’San Martin u f’Tal-Maqluba. Fit-tieni post b’għoxrin punt inqas spiċċat Stephanie Alden (The Cyclist), rebbieħa wkoll tal-medalja tal-fidda f’San Marino u li kienet saret Champion għall-ewwel darba s-sena l-oħra. Marion Pullicino ta’ Mosta AF Sign Studio CC spiċċat it-tielet b’total ta’ 435 punt.

Is-suċċessi għal The Cyclist komplew meta huma rebħu anke il-Kampjonat tal-Juniors fejn hawn ħareġ rebbieħ Nicholas Attard Montaldo b’total massimu ta’ 600 punt biex żamm it-titlu għandu. Sieħbu tal-istess tim, Isaac Spiteri spiċċa t-tieni b’525 punt, filwaqt li t-tielet spiċċa Gianluca Camilleri ta’ Birkirkara St Joseph b’total ta’ 310 punt.

Fil-Kategorija tal-Master 40+ iddomina għal kollox Ivan Zammit ta’ Birkirkara St Joseph SC bi tliet rebħiet għal total massimu ta’ 600 punt. Fit-tieni post ikklassifika Kelvin Goodwin ta’ Agones SFC b’total ta’ 505 punt u fit-tielet pozizjoni kklassifika Colin Tabone tat-Team Greens b’470 punt.

Il-Kampjonat tal-Masters 50+ ra suċċess għal ċiklista ieħor ta’ The Cyclist meta Joseph Micallef spiċċa fuq quddiem b’575 punt, filwaqt li b’375 punt spiċċa fit-tieni post sieħbu ta’ The Cyclist, Kenneth Zammit. Fit-tielet post b’175 punt spiċċa Chris Iwanik ta’ Birkirkara St Joseph SC. Emmanuel Camilleri ta’ Mosta AF Sign Studio CC rebaħ il-Kampjonat Masters 60+ b’punteġġ massimu ta’ 600 punt meta rebaħ it-tliet tiġrijiet tiegħu.

Il-Kampjonat tat-tfal ta’ taħt il-15 il-sena, Kristina Spiteri (The Cyclist) kisbet tliet rebħiet biex spiċċat champion taż-żgħar tal-Bniet b’total massimu ta’ 600 punt. Fit-tieni pozizjoni spiċċat l-ex-champion Veronique Pace Asciak ta’ Mosta AF Sign Studio CC fejn kisbet total ta’ 525 punt. Nikol Micallef ta’ Mosta AF Sign Studio CC spiċċa l-ewwel fil-kategorija tas-Subien b’total ta’ 575 punt, segwit minn żewġ ċiklisti oħra tal-istess klubb Mosti fejn Matthew Galea Pirotta tella total ta’ 550 punt u Malcolm Vassallo 450 punt.

Ta’ min jgħid li ghal darb’oħra waqt dawn it-tiġrijiet kollha intużat iċ-ċippa. Hawn il-Federazzjoni tixtieq trodd ħajr lit-tim tal-ARRTS timing system li ħadu ħsieb il-ħinijiet tat-tiġrijiet u lil Kunsilli Lokali rispettivi tal-koperazzjoni kollha tagħhom. Radd ta’ ħajr ieħor imur għal Korp tal-Puliżija li kienu ta’ assistenza kbira, kif ukoll lil Malta Red Cross Operations u bosta voluntiera, timekeepers u marshalls tas-servizz tagħhom.

 





Leave a comment