Cristina u Puli f’Laqgħa mal-Atleti ta’ Special Olympics

Friday, July 15, 2011, 0:57

“Aħna kburin bikom”….b’dan il-kliem il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja laqgħet lill-atleti, coaches u uffiċjali li ħadu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-iSpecial Olympics, li l-bieraħ kienu mistiedna tagħha u tas-Segretarju Parlamentari Clyde Puli, b’turija ta’ apprezzament għar-riżultati li kisbu.

Il-Ministru Dolores Cristina

Il-Ministru Cristina qalet lill-atleti li huma żammew il-Bandiera Maltija f’post għoli ħafna fost atleti minn ħafna pajjiżi. Il-kuraġġ tagħhom bħala persuni b’diffikultajiet hu ta’ lezzjoni għal kulħadd. Fuq kollox, il-parteċipazzjoni f’dan il-Logħob offritilhom opportunita’ u esperjenza pożittiva li żgur se jibżgħu jgħożżu għal ħafna snin.

Dawn l-atleti ġew lura minn dan il-logħob b’ħafna midalji. Qatgħu figura mill-isbaħ wara ħafna sagrifiċċji u ħinijiet twal ta’ taħriġ mal-coaches dedikati tagħhom u bl-appoġġ sħiħ tal-ġenituri u l-familja.

L-iSpecial Olympics barra mill-valur sportiv tagħhom jgħinu wkoll biex jinbnew komunitajiet ta’ persuni meta l-atleti jiltaqgħu ma’ persuni minn pajjiżi u kulturi differenti li għandhom l-istess diffikultajiet tagħhom u jgħixu flimkien bħal aħwa għal perjodu qasir ta’ żmien.

Din il-kompetizzjoni sservi wkoll biex lill-atleti tgħinhom jibdlu l-attitudnijiet tagħhom u jieħdu viżjoni aktar pożittiva tal-ħajja. Dan jagħmluh anke billi jipparteeipaw fi programm li jgħinuhom kemm fiżikament kif ukoll mentalment.

Imma fuq kollox dawn l-Olimpjadi jgħinu biex l-atleti jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jagħtuhom dak lempowerment li għandhom bżonn biex jasserixxu lilhom infushom u jkomplu mexjin ‘l quddiem.

Il-Ministru Cristina qalet li kienet impressjonata b’dak li qalet waħda mill-atleti li ma rnexxielha tirbaħ ebda midalja f’din il-kompetizzjoni. Din qalet “Nipprova nirbaħ. Imma jekk ma nirbaħx żgur se nagħmel ħilti b’kuraġġ kbir”.

Dan hu l-ispirtu li għandu jmexxi lil dawn iż-Żgħażagħ f’ħajjithom. “Ibqgħu ipparteċipaw. Ibqgħu ikkompetu. Ibqgħu għamlu ħilitkom. Iżda fl-aħħar mill-aħħar l-importanti hu li tieħdu sehem u tippruvaw”, sostniet il-Ministru Cristina.

Hi rringrazzjat lill-atleti u l-uffiejali li laqgħu l-istedina u attendew għal din il-laqgħa u awguratilhom aktar suċċessi fil-karrieri sportivi tagħhom.





Leave a comment