Cottonera United Youth Nursery kompletament amalgamata

Tuesday, November 5, 2013, 13:12

Waqt Konferenza Stampa li saret ġewwa l-klabb ta’ Senglea Nursery, fejn bhalissa qed tiltaqa’  ukoll n-nursery ta’ Cottonera United, il-President ta’ Cottonera United, Stephen Spiteri , spjega fit-dettal it-tieni fażi li  Cottonera United Nursery deħlin fiha.

 

Spiteri beda billi semma li l-popolazzjoni tal-Kottonera, iktar ma tmur, iktar qed issir anzjana u t-tfal tal-Kottonera qed jonqsu bil-bosta minn sena għall-ohra.

 

Erba’ snin ilu t-tliet nurseries tal–Kottonera sabu ruħhom quddiem problemi kbar fl-Under 15’s u Under 17’s miħabba nuqqas ta’ plejers.

Għalhekk, tliet snin ilu nholqot “Cottonera United Youth Nursery”.  Dan ‘il għaliex l-ebda tim fost Senglea Nursery, Vittoriosa Stars u St.George’s ma kellhom tfal bizzejjed biex jikkompetu fl-under 15’s jew 17’s league tal-YFA .

 

Stephen Spiteri saħaq li dan kien ser isarraf li l-Kottonera kienet se titlef bosta tfal b’detriment għall-futbol fil-Kottonera kollha.

 

Il-president ta’ Cottonera United Nursery, Stephen Spiteri, semma li dan l-esperiment irnexxa ‘il għaliex fit-tieni staġun li Cottonera United kienet qed tikkompeti fil-league tal-YFA, irnexxilha tispiċċa bħala Champion fil-kategoriji tal-Under 15’s u 17’s, kif ukol l-Under 17’s ġew promossi għal Section B.

 

Mhux hekk biss imma fl-istaġun li għadda, Cottonera United rebħet il-‘President’s Award’. Dan ingħata lin-nursery ta’ Cottonera Utd. bil-President tal-MFA jgħid li dan l-unur ingħata b’rikonixximent tal-ġid li għamlet din in-nursery għall-futbol Malti u għall-fatt li tliet klabbs mill-Kottonera warrbu l-piki u ingħaqdu flimkien biex għaqdu nursery waħda fejn fiha t-tfal tal-Kottonera setgħu jipprattikaw il-futbol.

 

Din l-ideja ta’ amalgamazzjoni kienet imfaħħra mill-YFA ukoll u din stess, ħeġġet nurseries zgħar oħra biex jikkupjaw din l-ideja.

 

Bis-saħħa ta’ Cottonera United, tfal tal-under 15’s u 17’s ta’ ċertu talent fil-logħba tal-futbol  u li jgħixu fil-Kottonera, illum il-ġurnata m’għadhomx ifittxu daqshekk klabbs oħrajn biex jiprattikaw il-futbol imma qegħdin jibqgħu fil-Kottonera għax fit-tim ta’ Cottonera United issa qed jaraw livell kompetittiv u dik l-esperjenza li kienu jiksbu minn nurseries oħra issa jistgħu jiksbuha minn nursery ta’ Cottonera United.

 

Spiteri semma li wara li bdiet taħdem b’suċċess l-amalgamazzjoni fl-Under 15’s u 17’s, il-kumitat ta’ Cottonera United iddeċieda li jkompli jaħdem bla heda biex issa jsaħħaħ in-nurseries tal-Kottonera anki fejn jidħlu l-Under 13’s, 11 u 9’s.  B’hekk issa Cottonera United Nursery minn dan l-istagun se tkun tikkonsisti mit-timijiet tal-Under 17’s,15’s 13’s 11’s u 9’s.

 

Il-President ta’ Cottonera United Nursery, Stephen Spiteri  enfasiza li jkun kollu inutli u għal xejn li Cottonera United għamlet l-amalgamazjoni fl-Under 15’s u 17’s u tieqaf hemm għax dan ikun ifisser li sentejn oħra Cottonera United nursery tfalli.

 

Qabel ma seħħet din l-amalgamazzjoni fl-under 13’s ,11’s u 9’s , ġenituri li t-tfal tagħhom għandhom ċertu livell fil-logħba tal-futbol, lanqas biss kienu qegħdin  jitħajru jibgħatu t-tfal tagħhom fin-nurseries rispettivi tal-Kottonera, ‘il ghaliex meta jaraw ftit li xejn plejers u livell ta’plejers mhux tant tajjeb dawn ifittxu nurseries oħrajn barra il-Kottonera, għax dawn ma kinux jaraw fejn it-tfal tagħhom jistgħu jagħmlu daqstant progress f’din il-logħba fin-nurseries tagħna.  Però, illum il-ġurnata l-istorja tbiddlet u t-tfal u żgħażagħ tal-Kottonera saru kburin li jiffurmaw parti minn dan it-tim.

 

It-tfal kollha tal-Kottonera, b’din l-amalgamazzjoni issa jistgħu jibdew jieħdu sehem fit-tournaments li l-YFA torganizza bħal bqija tan-nurseries ta’ Malta u issa anki l-ġenituri qed jaraw in-numru tat-tfal jiżdied  fl-Under 13’s, 11’s u 9’s u qed ibiddlu l-fehma tagħhom dwar in-nuqqas ta’ opportunitajiet li kien hawn meta dawn in-nurseries kienu separati u issa qed jirreġistraw it-tfal biex ikunu parti minn Cottonera United.  Dan ‘il għaliex issa qed jaraw b’għajnejhom li ċertu taħrig qed isir bħal klabbs oħra u b’din l-amalgamazzjoni fl-under 13’s , 11’s u 9’s dak it-tahrig li qed issir f’klabbs oħra qed isir l-istess f’Cottonera United Nursery.  Il-ġenituri issa qed jaraw li jekk it-tifel tagħhom għandu ċertu talent lejn il-logħba tal-futbol, jekk jissieħeb ma’ Cottonera United, dan it-talent qed ikompli jitkabbar bil-kowċing professjonali li għandha x’toffri Cottonera United.

 

In-nurseries tal-Isla, ta’ Bormla u l-Birgu xorta se jibqu jeżistu b’tali mod li jkunu jistgħu jirreġistraw il-plejers fil-klabb tagħhom biex dawn il-plejers, wara li jispiċċaw minn ma’ Cottonera United, jkomplu jitilgħu mat-timijiet tal-kbar rispettivi tagħhom ta’ fejn ikunu reġistrati.

 

 

It-tliet nurseries qabblu, li fejn huwa possibli, ċertu taħriġ jsir kemm ġewwa Bormla, ġewwa l-Isla u l-Birgu biex it-tfal tal-lokal jaraw b’għajnejhom lil sħabhom jitħarġu u b’hekk huma ukoll jistgħu jitħajru jissieħbu fin-nursery tal-lokal.  Dan qed isir biex issir promozzjoni kbira lin-nurseries tal-Kottonera u aktar tfal jkomplu jitħajru jissieħbu f’din in-nursery tal-Kottonera.

Din il-kontinwazzjoni tal-amalgazzjoni tal-klabbs tal-Isla, Bormla u Birgu inlaqgħet ferm tajjeb waqt il-konferenza stampa għax kulħadd għaraf ix-xogħol kbir li qed isir għat-tfal u żgħażagħ tal-Kottonera minn dan il-klabb.

 

Dan ir-rapport tal-amalgazzjoni tal-klabbs tal-Isla, Bormla u Birgu fil-kategoriji tal-under 13’s, 11’s u 9’s  ġie moqri u approvat fil-kumitati kollha tan-nurseries tal-Kottonera u l-parent klabb tagħhom.

 

Dan ir-rapport  ta’ Cottonera United Nursery issa  ntbgħat  lill-MFA u l-YFA  u dan mistenni li jiġi approvat mill-eżekuttiv tal-istess MFA.

 

Wara l-konferenza stampa tal-President ta’ Cottonera United Nursery, is-Sur Renato Attard, raprezentant ta’ Carpigiani f’Malta kif ukoll f’isem Shoemark, preżenta sponsor  lil Stephen Spiteri.   Is-Sur Attard qal li kien ta’ unur għalih li jagħti sponsor lil klabb tat-tlett ibliet tal-Kottonera.  Minn naħa tiegħu Spiteri rringrazzja lis-Sur Attard ta’ dan l-isponsor u qal li dan se jservi biex jittaffew ftit mill-ħafna spejjeż li għandha din-nursery.  Spiteri ħa wkoll l-okkażjoni biex jirringrazzja lil Spiru Mizzi Foundation li fil-bidu tal-istaġun ta għotja lil Cottonera United Nursery.

 





Leave a comment