- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Cottonera Aquatic imwaqqfin minħabba problemi burokratici

Posted By SportInMalta On August 2, 2010 @ 5:28 pm In Featured,Waterpolo | 2 Comments

Senglea Nursery sejħet laqgħa urġenti għall-Konferenza Stampa, fejn attendew tfal, żgħażagħ u ġenituri, li fiha, il-President ta’ Senglea Nursery, Stephen Spiteri, ħabbar li l-proġett li tant ħadmet għalih din in-nursery, rigward it-tim tal-Water polo, il-Cottonera Aquatic, u l-lezzjonijiet tal-għawm li għandhom l-intenzjoni jgħaqqad lit-tfal tal-Kottonera interessati fil-Waterpolo flimkien, għadhom ma bdewx jitħaddnu minħabba problemi burokratiċi li kellha taffaċċja Senglea Nursery u li għadha sal-ġurnata tal-lum taħdem u tirsisti biex tinstab soluzzjoni għal ġid ta’ dawn it-tfal u żgħażagħ.

Wara li Senglea Nursery investiet f’pitch tal-Waterpolo li ġie jiswa ‘il fuq minn €2,000, bdiet taħdem minn Frar li għadda biex ikollha kollox lest għas-Sajf 2010 u kellha l-permessi meħtieġa mingħand l-Għaqda Barklori biex il-pitch isir fil-Ponta tal-Isla, fil-baħar ħdejn il-Grawnd tal-Ponta, il-“Grand Harbour Marina Consortium” oġġezzjonaw għal dan il-pitch. L-oġġezzjoni tagħhom kienet dik, li l-port issa huwa tagħhom u ħadd m’hu eleġibbli jgħum f’dan il-port. Senglea Nursery oġġezzjonat għal din id-deċiżjoni u wara diversi taħdidiet magħhom, dawn identifikaw post faċċata taċ-Ċentru ta’ Senglea Nursery, fejn jista’ jiġi nstallat dan il-pitch. Għal din il-proposta oġġezzjonaw l-Għaqda Barklori, li sostnew li dik il-biċċa baħar hija mikrija lilhom u li dak il-post jintuża minnhom biex jorbtu xi dgħajjes tagħhom.

Il-Kumitat ta’ Senglea Nursery ma qatax qalbu u bagħat applikazzjoni lill-“Ports and Yachting Directorate” biex dan il-pitch jiġi installat fin-naħa tal-Klabb tar-Regatta. Għalkemm dan mhux il-post idejali u li l-kumitat kellu f’moħħu, Senglea Nursery qegħda tispera li din l-applikazzjoni tgħaddi. Sfortunatament, s’issa għad m’ ħemmx risposta.

Stephen Spiteri sostna li Senglea Nursery xorta baqgħet għaddejja bil-preparamenti u tħejji ruħha għall-bidu tat-taħriġ fl-għawm u taħriġ tal-plejers tal-Kottonera Aquatic, għax temmen li proġett bħal dan, li l-għan tiegħu hu li jgħaqqad lit-tfal u żgħażagħ tal-Kottonera fi sport tant popolari fil-gżejjer Maltin, żgur mhux se jiġi mwaqqaf minħabba tilwim fuq drittijiet fuq dan il-baħar.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/cottonera-aquatic-imwaqqfin-minhabba-problemi-burokratici/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.