Coronado Show

Sunday, September 22, 2013, 11:30

Minn Robert Busuttil


Floriana………….4

Rabat……………..0


Il-magna tal-gowls Furjaniża Bogdanovic-Coronado sa fl-aħħar bdiet taħdem u wara ħsara kbira fl-ewwel logħbiet, it-tiswija tagħha saret bl-aktar mod metikoluż u paċenzjuż sabiex tipproduċi r-riżultati.

Il-forma brillanti li kienu fiha dawn iż-żewġ plejers għenet mhux ftit sabiex Floriana barra li jirbħu t-tieni logħba konsekuttiva jħassru għal kollox dak is-sinjal ta’ -2 li kienu fih fil-klassifika. Anzi mhux hekk biss, talli qabżu lill-istess Rabat bil-punti u bdew it-tiġrija serja għal postijiet aktar għolja fil-klassifika.

Min-naħa Rabtija dawn iddiżappuntaw bil-kbir anke f’din il-logħba sabiex baqgħu l-uniku tim bla punti f’dan l-istaġun wara ħames logħbiet.

Floriana ma damux ħafna sabiex fetħu l-iskor meta fil-11-il minuta minn korner ta’ Daniel Bogdanovic kien IGOR CORONADO li b’xutt mill-ewwel ma ħafirx.

Żewġ minuti wara daqqa ta’ ras tal-istess plejer barrani mar ftit barra mil-lasti difiżi minn Velimirovic.

Hawnhekk Coronado kompla x-xow tiegħu meta fis-17 –il minuta xutt mill-bogħod ħabat mal-lasta.

Minkejja l-attakki kontinwi Furjaniżi, ir-Rabtin żammew sod sabiex daħlu jistrieħu bi żvantaġġ ta’ gowl wieħed biss.

Iżda kif fetħet it-tieni taqsima, Floriana rduppjaw meta Gary Roberts qassam tajjeb lejn IGOR CORONADO li b’xutt mkaxkar għadda minn bejn Velimirovic sabiex għaqqad doppjetta.

Il-Furjaniżi riedu aktar u ma kinux kuntenti bil-vantaġġ li kellhom. B’hekk DANIEL BOGDANOVIC ġera ġirja tajba min-nofs il-grawnd qabel ma wasal lejn il-lasti Rabtin u fajjar xutt tajjeb li fisser il-gowl numru tlieta għall-Greens.

Fit-82 minuta Gary Muir għadda lejn IGOR CORONADO li wiċċ imb’wiċċ mal-gowler Rabti Velimirovic ma sab l-ebda diffikulta jiddepożita l-ballun fix-xibka.

Dak kien kollox! Floriana komplew juru sinjali ta’ titjib u progress filwaqt li Rabat komplew jiddiżappuntaw bil-kbir. Il-partitarji tagħhom jisperaw li jerġa jseħħ miraklu ieħor bħalma ġara s-sena l-oħra u t-tim tagħhom jibda jikseb l-ewwel punti fil-Kampjonat.





Leave a comment