Christopher Rotin jirbaħ titlu Ewropew waqt Gladiators Fight Night 20

Monday, July 23, 2018, 9:51

Malta kisbet unur ieħor fil-kickboxing hekk kif Christopher Rotin sar Champion Ewropew tal-World Kickboxing Network (WKN) fil-kategorija Welterweight, wara li rebaħ ġlieda kontra avversarju mill-Greċja waqt l-20 edizzjoni tal-Gladiators.

Christopher Rotin, minn Ying Yang – Team Noel, iġġieled f’isem Malta għal Pro European Title Belt tal-WKN kontra l-atleta Grieg Anis Antonin nhar il-Ġimgħa li għadda fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.

Kienet ġlieda missielta sal-aħħar, biż-żewġ atleti li taw il-massimu tagħhom. Rotin kellu jiffaċċja atleta ta’ saħħa konsiderevoli li kien itwal minnu, u li huwa kkunsidrat fost l-aqwa fil-Greċja fil-kategorija tiegħu.

Il-kowċ ta’ Rotin, Master Noel Mercieca, qal li l-istrateġija ta’ Rotin kienet li jidħol qrib ta’ Antonin meta dan ikun se jattakka, biex ma jagħtihx ċans jaħdem. It-teknika tal-atleta Grieg spikkat l-iktar minn knee strikes li kienu frekwenti u perikolużi, iżda Rotin irnexxielu jżomm difiża tajba, u għadda biex rebaħ iċ-ċintorin.

F’isem Malta wkoll ikkompeta l-atleta Shaun Falzon minn Malta Thai Boxing, li ssielet għal Pro International Title Belt tal-WKN fit-taqsima Middleweight kontra l-atleta Slovakk Jurah Vozar.

Minkejja li Falzon kien jidher li qiegħed minn fuq, lejn tmiem l-ewwel round sfortunatament qala’ knockout li kien jidher bħala ‘lucky punch’ tal-avversarju Slovakk, li iżda naturalment għadda biex jirbaħ iċ-ċintorin.

Waqt l-istess serata ċ-Champion Ewropew Keith Azzopardi minn Ying Yang – Team Noel rebaħ il-Gladiators Title Belt fi ġlieda kontra Milos Anic minn Team Jalen. Iż-żewġ atleti f’din il-ġlieda wkoll taw prestazzjoni mill-aqwa u ssieltu sal-aħħar, b’Azzopardi iżda jgħaddi biex jirbaħ.

Fl-istess serata ġġieldu 14-il atleta oħra minn ħames klabbs f’Malta, li pparteċipaw fi ġlidiet lokali u oħrajn internazzjonali, fosthom kontra atleti mill-Iżvezja, l-Italja u l-Belġju. Din ukoll kienet kisba għal dawn l-atleti Maltin, li rnexxielhom jirbħu l-ġlidiet kollha kontra l-atleti barranin.





Leave a comment