- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Christian Mercieca (Victoria Hotspurs) jirbaħ il-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Jannar

Posted By Sportinmalta On February 27, 2018 @ 1:32 pm In Featured,Football | No Comments

Christian Mercieca ta’ Victoria Hotspurs huwa l-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Jannar 2018.

Il-plejer ta’ nofs il-grawnd u attakkant kien il-moħħ wara l-attakk ta’ Spurs kontra Nadur Youngsters meta pprovda numru ta’ tqassimiet lil Elton Da Silva, li rriżultaw fit-tieni gowl tagħhom li wassalhom għar-rebħa ta’ 3-0. Victoria taw lil Xewkija Tigers l-ewwel telfa tagħhom f’dan l-istaġun b’Mercieca jirċievi l-ballun mingħand Henrique Maciel fit-tielet minuta tal-ħin barrani qabel tmiem l-ewwel taqsima, u b’xutt qawwi fil-baxx jiskorja għal Victoria Hotspurs, minkejja l-attentat mid-difiża ta’ Xewkija biex jikklerjaw il-ballun minn fuq il-linja. Dan il-gowl wassal għal parità bejn it-timijiet bl-iskor ta’ 1-1, biex finalment Spurs ħadu t-3 punti b’rebħa ta’ 2-1.

Mercieca, li għandu 20 sena, ingħaqad ma’ Victoria Hotspurs fil-bidu tal-istaġun li għadda hekk kif kien beda l-karriera tiegħu mal-Oratory Youths u anke lagħab fil-futbol taż-żgħar f’Malta. Huwa rritorna lejn Għawdex mal-Oratory Youths u immedjatament għamel impatt bil-kunfidenza tiegħu bil-ballun u bil-kwalitajiet tekniċi tiegħu. Huwa malajr kiseb post regolari fit-tim ta’ Spurs u fil-fatt huwa l-mutur prinċipali fil-ġlieda tagħhom għall-unuri ewlenin għal din is-sena.

Horace Laudi, il-Maniġer Reġjonali għal Għawdex tal-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew tal-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Jannar 2018 lil Christian Mercieca, li għażel lil Puttinu Cares biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/christian-mercieca-victoria-hotspurs-jirbah-il-bov-gfa-plejer-tax-xahar-ghal-jannar/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.