Chris Cardona rebaħ l-ewwel Mini Car Demolition Derby

Wednesday, July 15, 2020, 9:47

Nhar is-Sibt li għadda, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) kellha lejla impenjattiva fejn ġiet organizzata il-ħames tiġrija bil-muturi mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2019/2020 segwit mit-tmien tiġrija bil-Karozzi Autocross mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2019/2020. Il-Program għalaq bil-Mini Car Demolition Derby li kellu jsir f’Marzu li għadda imma ġie pospost minħabba l-Covid-19.

Mill-Motocross, Bernard Sammut fuq mutur Beta rebaħ il-Klassi A segwit minn Paul Muscat fuq Yamaha u Kyle Camilleri fuq KTM.

Fi Klassi B is-sewwieq Għawdxi Jorn Stellini fuq mutur KTM rebaħ din il-klassi segwit minn Michael Sant fuq Husqvarna u Robert Spiteri fuq mutur Yamaha.

Fil-Klassi tal-Veterani, Paul Deguara fuq mutur KTM kompla jiddomina din il-klassi segwit minn William Sant fuq mutur Suzuki.

Fil-Klassi Juniors, Sheldon Camilleri Conti fuq mutur Yamaha rebaħ din il-klassi segwit minn Jose Azzopardi fuq mutur KTM u Marco Tanti fuq mutur Honda.

Fl-Autocross, Alan Muscat fuq Peugeot 205 iddomina il-heats kollha tal-ġurnata fejn issiġilla postu fil-finali Klassi A. Miegħu ikkwalifikaw Jean Paul Grech fuq Peugeot 106, Noel Zammit fuq Fiat Punto, Andrew Pisani fuq Opel Nova, Kurt Aquilina u Karl Micallef it-tnejn fuq Opel Corsa.

Ħrug tajjeb ħafna għal Muscat u Grech, b’Muscat jieħu t-tmun tat-tiġrija segwit minn Zammit u Grech. It-tiġrija kompliet fejn sewwieq wieħed wara l-ieħor bdew jagħmlu l-Joker Lap. Wara r-raba’ dawra, Muscat żviluppatlu ħsara u beda jnaqqas il-veloċità, tant li Grech mar fuq quddiem u spiċċa rebaħ it-tiġrija, segwit minn Pisani, Micallef u Aquilina.

Mill-Finali Klassi B, Nicolai Aquilina fuq Opel Corsa rebaħ din il-finali segwit minn Justin Buttigieg fuq Opel Nova, Paul Formosa fuq Fiat Uno u Nicovich Chircop fuq Peugeot 106 rispettivament.

Il-programm għalaq bil-Mini Car Demolition Derby, fejn fuq il-linja tat-tluq kien hemm 28 karozza. Mat-tluq saret parata ta’ żewġ dawriet mal-korsa qabel ma karozza wara l-oħra bdew jirtiraw. Fl-aħħar kien għad fadal l-aħħar żewġ karozzi, dik ta’ Chris Cardona fuq Ford Fiesta u Jurgen Gatt fuq Mazda 323. Minkejja l-ħsara fiż-żewġ karozzi, kull sewwieq beda jagħmel l-aħħar sforzi biex ikun hu li jagħti l-aħħar daqqa li twasslu għar-rebħa. Kien Cardona li ġie ddikjarat rebbieħ wara li Gatt irtira. Gatt minkejja li kellu l-magna taħdem, il-karozza ma setgħetx tiċċaqlaq iktar u ma kellux għażla oħra ħlief li joħroġ mill-karozza.

Il-preżentazzjoni saret mill-Viċi President Johnny Micallef u mis-Segretarju Ġenerali Johann Pace. Attività oħra bhal din tkun dik tad-Demolition tal-Vannijiet li mistennija tiġi organizzata f’Settembru 2020.

Intant l-Assoċjazzjoni se tkompli bl-attivitajiet tagħha nhar is-Sibt 25 ta’ Lulju 2020, fejn se tiġi organizzata l-aħħar attività bil-Muturi Motocross u d-disa’ attività bil-Karozzi Autocross. Il-programm tal-muturi jibda fl-4pm u tal-karozzi fis-7.00pm.

Għal aktar informazzjoni idħlu fuq www.asmk.org.mt jew fil-paġna tal-Facebook bl-isem Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt mal-Kumitat Eżekuttiv fuq l-email li hu info@asmk.org.mt.

Ritratti ta’ Robert De Carlo





Leave a comment