Camilleri Marine Ragusa Regatta – suċċess doppju għal Comanche Raider 3

Thursday, July 26, 2018, 16:56

Il-Camilleri Marine Ragusa Regatta li saret dan l-aħħar bdiet b’ritmu mgħaġġel mill-port ta’ Marsamxett, meta Comanche Raider 3 ta’ Ramon Sant Hill ħa postu fuq quddiem tal-flotta, b’Maltese Falcon II ta’ Jonathan Camilleri Bowman eżatt warajħ.

Sfortunatament, il-riħ batta b’riżultat li Comanche Raider 3 irnexxilu jispiċċa it-tellieqa fil-ħin stipulat. Il-bqija tal-flotta rtirat.

Matul il-waqfa f’Ragusa, l-ekwipaġġi Maltin kellhom l-opportunita jieħdu sehem fis-seba edizzjoni tat-Trofew Achille Boroli u l-ħames edizzjoni tat-Tazza Hyblea, tlielaq organizzati mill-Circoli Velici Iblei. Għal darb’oħra il-kundizzjonijiet ħfief fissru li tlett tlielaq qosra nżammew matul is-Sibt u il-Ħadd.

Għal darb’oħra il-Maltin ġabu riżultati tajbin.  It-Trofeo Achille Boroli ġie mirbuħ minn Ramon Sant Hill u l-ekwipaġġ tiegħu fuq Comanche Raider 3 filwaqt li fil-kompetizzjoni tat-Tazza Hyblea, Robert Ciantar u l-ekwipaġġ Nauti Buoy tiegħu  ħadu it-tieni post filwaqt li l Godwin Zammit u l-ekwipaġġ ta’ Inspiration ħadu t-tielet post.

Fit-tellieqa lura minn Ragusa għal Malta, Comanche Raider 3 kien l-ewwel wieħed li spiċċa b’distakk tajjeb mid-dgħajjes l-oħra. Maltese Falcon II kien it-tieni jott li daħal iżda kien Inspiration li ħa it-tieni post fil-ħin korrett.

Din hija t-tieni sena li Camilleri Marine appoġġja din it-tellieqa.  Ir-rebbieħa ingħataw premijiet relatati mal-baħar, li kienu jinkludu Arimar Liferaft, Ocean Signal Electronic MOB, provvisti tat-tindif Starbrite u  prodotti oħra.

“Camilleri Marine ilu jappoġġa l-inizjattivi tar-Royal Malta Yacht Club għal numru ta’snin. L-appoġġ tagħna mhuwiex limitat biss għall-għoti ta’ premji iżda wkoll għall-qsim tal-għarfien l-aktar reċenti dwar is-sikurezza fuq il-baħar. Is-seminar li ospitajna kien suċċess kbir u ntlaqa’ tajjeb mill-ekwipaġġi u l-membri tar-Royal Malta Yacht Club, “spjega Kenneth Camilleri, id-Direttur Maniġerjali, Camilleri Marine.

Riżultati| Malta – Ragusa

L-Ewwel Post – Comanche Raider 3 (Ramon Sant Hill)

Riżultati| Ragusa – Malta

L-Ewwel Post – Comanche Raider 3 (Ramon Sant Hill)

It-Tieni Post – Inspiration (Godwin Zammit)

It-Tielet Post – Maltese Falcon II (Jonathan Camilleri Bowman)





Leave a comment