Caffè Moak Luxol u Starlites jieħdu vantaġġ

Monday, December 7, 2015, 17:36

TAZZA LOUIS BORG NISA

minn Colin Schembri

Pavi Depiro 48

Caffè Moak Luxol 55

(10-11)(7-15)(16-15)(15-14)

Caffè Moak Luxol fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti fl-ewwel leg tal-partita tagħhom tat-tazza Louis Borg kontra Pavi Depiro. Luxol kellhom nieqsa lil Christina Curmi u fetħu l-partita bi trippla ta’ Sarah Pace. Depiro kellhom risposta b’żewġ three pointers minn Samantha Brincat però Luxol għamlu seba’ punti konsekuttivi b’baskets minn Joselle Borg Cardona, Mandi Mercieca u Paula Ellul. Justine Xuereb għamlet żewġ baskets għal Depiro però kienu Luxol li temmew it-taqsima minn fuq 11-10. Fit-tieni perjodu ż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin biex Luxol baqgħu punt minn fuq. Depiro wettqu xi turnovers u Luxol approfittaw b’run ta’ 11-3 bi trippla ta’ Beverlee Zammit u l-baskets ta’ Pace u Steffi De Martino biex daħlu jistrieħu 26-17 minn fuq.

Fit-tielet perjodu, Luxol kabbru l-vantaġġ b’żewġ baskets minn Sarah Pace. Depiro wieġbu bil-punti minn Brincat però Zammit kellha trippla oħra għal Luxol. Depiro kellhom sitt punti konsekuttivi u wara tlett punti ta’ Luxol, Brincat u Maria Bonnett kellhom 5 punti oħra għal Depiro għal skor ta’ 41-33. Fl-aħħar sessjoni Depiro kellhom it-three pointers minn Gaby Mifsud għalkemm Luxol ukoll kellhom il-punti tagħhom minn De Martino. Depiro naqqsu d-distakk għal darb’oħra permezz ta’ Mifsud u trippla minn Brincat 48-51. Fl-aħħar ħinijiet kien hemm il-punti finali minn Luxol permezz ta’ De Martino biex rebħu l-partita 55-48.

Pavi Depiro: A. Mifsud 1, G. Mifsud 13, S. Brincat 14, M. Bonett 4, C. Camilleri, T. Mifsud 2, P. Montanaro, J. Xuereb 10, S. Micallef 4, C. Ciantar.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 15, B. Zammit 8, N. Agius, J. Borg Cardona 8, M. Mercieca 6, S. De Martino 12, S. Abela 4, P. Ellul 1, G. Costa 1, M. Darmanin, A. Calleja.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara.

Starlites Naxxar 45

Floriana 37

(13-8)(8-10)(13-5)(11-14)

Starlites Naxxar kienu diġa għelbu lil Floriana fl-aħħar ħarġa tagħhom fil-kampjonat u issa kisbu wkoll rebħa fl-ewwel leg tat-tazza Louis Borg 45-37 biex fetħu vantaġġ ta’ 8 punti għat-tieni leg li jintlagħab għada. Starlites kellhom bidu mill-aqwa meta għamlu l-ewwel 10 punti tal-partita minn Jean Doughty u Kirsty Galea. Floriana rrispondew permezz ta’ Abigal Sciberras però kienu Starlites li temmew it-taqsima minn fuq 13-8. Fit-tieni perjodu kien hemm żewġ baskets fuq kull naħa biex Starlites baqgħu fuq quddiem 17-12. Hawn Floriana kellhom 6 punti konsekuttivi biex marru punt minn fuq 18-17 però Lindsey Pirotta u Galea għamlu l-aħħar żewġ baskets għal Starlites biex daħlu jistrieħu minn fuq 21-18.

Starlites saħħew il-vantaġġ bi tlett baskets minn Galea u Adriana Demanuele fl-ewwel ħinijiet tat-tielet perjodu. Floriana wieġbu b’baskets minn Martha Gatt u Sciberras. Starlites kellhom il-punti minn Kim Borg Alden u Danielle Agius biex temmew it-taqsima 11 minn fuq 34-23. Floriana tħabtu fl-aħħar sessjoni u punti konsekuttivi minn Sciberras rawhom inaqqsu d-distakk għal 5 punti 32-37. Pirotta u Galea wieġbu għal Starlites qabel ma Floriana kellhom l-aħħar punti tagħhom minn Guliana Torpiano u Francesca Camilleri. Starlites għalqu l-partita bil-baskets ta’ Pirotta u Agius biex rebħu l-partita 45-37.

Starlites Naxxar: D. Agius 3, K. Galea 10, J. Doughty 6, S. Tabone 5, K. Pirotta, A. Demanuele 6, L. Pirotta 11, K. Vassallo, E. Magrin, S. Davies, K. Borg 4.

Floriana: Y.Agius, L. Pace 2, N. Arena 2, M. Gatt 7, E. Cassar, G. Torpiano 4, L. Haber, A. Sciberras 15, F. Camilleri 4, V. Mifsud Tommasi, N. Hili 3.

Referees: Gordon Barbara, Jennifer Mangani.





Leave a comment