Caffè Moak Luxol jibdew l-istaġun bir-rebħ tat-Tazza Indipendenza

Thursday, September 22, 2016, 21:46

Tazza tal-Indipendenza 2016 – Nisa

minn Colin Schembri

Fit-tazza Indipendenza tan-nisa kienu c-champions Caffè Moak Luxol li ħarġu rebbieħa wara li fil-finali għelbu lil Gżira Athleta. Hawnhekk il-ħames timijiet lagħbu kollha kontra xulxin biex l-ewwel tnejn daħlu direttament fil-finali. Luxol qabdu t-triq tar-rebħ kmieni u rebħu l-partiti kollha tagħhom biex ma kienx hemm dubju dwar posthom mal-ewwel erbgħa. It-tieni post kien inċert għaliex Depiro bdew b’żewġ rebħiet imma fallew kontra Gżira Athleta li wkoll daħlu biċ-ċans. U meta Depiro reġgħu tilfu kontra c-champions, Athleta saru t-tieni team li għadda għall-finali minkejja li tilfu fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra Hibernians. Dawn tal-aħħar issa huma mmexxija minn Winnie Buhagiar u ppreżentaw skwadra b’diversi żgħażagħ prodotti tan-nursery tagħhom. It-team l-ieħor li ħa sehem kienu Starlites Naxxar li rreġistraw magħhom lil Josephine Grima.

 

Fil-finali, Luxol għelbu lil Athleta 48-40 biex kisbu l-ewwel unur tagħhom dan l-istaġun. Luxol huma mmexxija mill-coach Taljan Francesco Monella u żammew ħafna mill-iskwadra tal-istaġun li għadda. Huma għandhom l-inklużjoni tal-player mill-Kanada Lindsay Lessard. Athleta kkonfermaw lil coach Ruth Spiteri u saħħew it-team bl-akkwist tal-player Christina Grima. Il-partita kienet bilanċjata fl-ewwel ħinijiet bil-Luxol jiftħu vantaġġ żgħir 18-11. Athleta għamlu run ta’ 9-2 biex ġabu l-iskor indaqs 20-20 qabel ma’ punti ta’ Steffi De Martino u Sarah Pace poġġew lill-vjola fuq quddiem. Sal-intervall Athleta reġgħu ġabu l-iskor indaqs iżda fit-tieni taqsima l-istorja kienet differenti hekk kif ic-champions kellhom run ta’ 13-0 u fetħu vantaġġ ta’ 15 –il punt 43-28. Luxol baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex rebħu l-partita. Fi tmiem il-logħba, il-captain ta’ Luxol Mandi Mercieca rċievit it-rofew minn għand is-Segretarja Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake.





Leave a comment