Caffè Moak Luxol jerbħu t-tielet unur tal-istaġun

Monday, January 19, 2015, 19:33

TAZZA LOUIS BORG NISA

minn Colin Schembri

Caffè Moak Luxol 65

Honey Athleta 46

(17-8)(12-12)(11-21)(25-5)

Caffe Moak Luxol rebħu tieni Louis Borg Cup tagħhom wara li għelbu lil Honey Athleta 133-101 f’finali li tintlagħab fuq żewġ legs. Luxol kienu diġà fetħu vantaġġ ta’ 19 –il punt fl-ewwel leg. Għal Luxol kien hemm ir-ritorn ta’ Samantha Tabone fil-waqt li għall-Athleta kien hemm id-debutt ta’ Antoinette Borg. L-ewwel finali kienet deċiża fl-aħħar sessjoni meta Luxol dawwru żvantaġġ ta’ punt f’rebħa ta’ 19 –il punt. Fl-ewwel logħba, wara bidu bilanċjat fejn Athleta marru punt fuq quddiem 6-5, Luxol għamlu run 12-0 b’punti minn Laekitha Alston, Joselle Borg Cardona u Steffi De Martino biex rebħu l-ewwel sessjoni 17-8. Fit-tieni perjodu, Luxol żiedu l-vantaġġ b’żewġ three pointers minn Beverlee Zammit 26-14. Athleta kellhom il-punti minn Leanne Sciberras flimkien ma’ Amelia Simmons u huma naqqsu d-distakk għal 9 punti 20-29 fil-intervall.

Fit-tielet taqsima, Athleta fetħu b’basket minn Lindsey Pirotta iżda De Martino wieġbet immedjatament għal Luxol. Athleta mbagħad kellhom mument pożittiv fejn għamlu run ta’ 15-2 bil-punti ta’ Simmons, Sciberras u trippla ta’ Pirotta biex marru fuq quddiem. Athleta għalqu l-perjodu punt minn fuq 41-40. Luxol fetħu qawwi fl-aħħar taqsima fejn kważi kull tentattiv tagħhom spiċċa f’basket. Huma kellhom żewġ three pointers minn Zammit u ieħor minn Alston. Huma komplew jiddettaw il-logħob fejn b’kollox għaqqdu run ta’ 21-0 bl-Athleta ma setgħux isibu l-basket għal ħin twil. Kienet Lonekke Cassar li waqqfitilhom din in-nixfa ta’ punti iżda Luxol kellhom vantaġġ tajjeb biex finalment Luxol rebħu l-logħba 65-46 u marru għat-tieni leg 19-il punt minn fuq.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 3, B. Zammit 12, M. Caruana, I. Baena, S. Tabone,  S. De Martino 23, K. Portelli, J. Borg Cardona 6, P. Ellul, L. Alston 21, M. Darmanin, C. Curmi.

Honey Athleta: E. Moore 2, L. Pirotta 9, S. Vella, L. Cassar 2, L. Sciberras 6, A. Borg 2, D. Said Hollier, A. Simmons 21, R. Sciberras, F. Farrugia, SJ. Barbara 4, C. Mifsud.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Honey Athleta 55

Caffè Moak Luxol 68

(13-21)(11-16)(12-18)(19-13)

Fit-tieni partita, Luxol żammew il-vantaġġ qawwi tagħhom fuq Athleta. Huma kellhom prestazzjoni tajba tal-Amerikana Laekitha Alston speċjalment taħt il-boards. Luxol bdew b’żewġ baskets ta’ De Martino iżda Athleta wieġbu b’sitt punti konsekuttivi minn Simmons. Luxol komplew b’run tajba ta’ 15-3 b’diversi punti minn Alston biex għalqu t-taqsima 21-13 quddiem. Fit-tieni sessjoni, Simmons kellha trippla għall-Athleta iżda Luxol kellhom ukoll it-three pointers tagħhom minn De Martino fi break ieħor ta’ 12-2 u fil-halftime kienu 13-il punt minn fuq 37-24 u flimkien mad-19 –il punt ta ‘l-ewwel leg, Luxol kienu 32 punt minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, Luxol żiedu l-vantaġġ tagħhom wara żewġ baskets minn Paula Ellul u Zammit. Athleta kellhom run qasira ta’ 7-0 bil-punti Simmons imma fl-aħħar minuta Luxol kellhom żewġ three pointers konsekuttivi ta’ Sarah Pace u basket minn Ellul biex żiedu l-vantaġġ għal 19 -il punt 55-36. L-aħħar sessjoni kienet aktar formalità b’Luxol żguri mis-suċċess tagħhom u l-coach Sandro Farrugia ta’ ħin lill-players ta’ fuq il-bank tiegħu. Athleta kellhom aktar punti minn Simmons, Emma Moore u Lonneke Cassar inkluż trippla. Luxol rebħu l-logħba 68-55 u fit-tmiem il-partita s-Sur Louis Borg President Emeritus tal-MBA ippreżenta l-trofew lill-captain ta’ Luxol Steffi De Martino.

Honey Athleta: E. Moore 3, L. Pirotta 3, S. Vella, L. Cassar 12, L. Sciberras 3, A. Borg 1, D. Said Hollier, A. Simmons 28, R. Sciberras, F. Farrugia 2, SJ. Barbara 3, C. Mifsud.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 7, B. Zammit 2, M. Caruana 2, I. Baena 2, S. Tabone,  S. De Martino 19, J. Borg Cardona 6, P. Ellul 6, L. Alston 22, C. Curmi 2.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Clive Terribile.





Leave a comment