Caffè Moak Luxol jerbħu t-tazza Louis Borg

Wednesday, February 10, 2016, 23:05

TAZZA LOUIS BORG NISA – FINALI LEG 2

minn Colin Schembri

Caffè Moak Luxol 73

Electrofix Hibs 54

(18-11)(27-15)(8-18)(20-10)

Aggregate: 124-99

Ic-champions Caffè Moak Luxol żammew it-tazza Louis Borg għat-tieni sena konsekuttiva meta reġgħu għelbu lil Electrofix Hibernians 73-54. Dan kien it-tielet suċċess ta’ Luxol f’din il-kompetizzjoni kif ukoll it-tielet unur tagħhom dan l-istaġun wara r-rebħ tas-Super Cup u s-Shield. Hibs kienu laxki fid-difiża speċjalment fl-ewwel żewġ sessjonijiet u meta ppruvaw jirkupraw fit-tielet sessjoni kien tard wisq hekk kif Luxol kellhom bidu qawwi fl-aħħar taqsima biex waqqfu l-isforzi tal-Pawlisti li jsalvaw il-partita. Wara bidu kwiet fejn Luxol ħadu vantaġġ żgħir 7-4 bi trippla ta’ Steffi De Martino, huma komplew b’run ta’ 9-2 biex temmew l-ewwel sessjoni 18-11 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Luxol ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 12-0 fl-ewwel tlett minuti b’żewġ trippli konsekuttivi ta’ Beverlee Zammit. Hibs irrispondew bil-punti ta’ Hannah Al Tumi bil-Luxol jirrispondu bi trippla oħra ta’ De Martino. Hibs ukoll kellhom it-three pointers minn Christina Grima u Greta Costa però fl-aħħar minuta Luxol għamlu ħames punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Sarah Pace biex daħlu jistrieħu 45-26 minn fuq.

Wara l-intervall Hibs ħarġu aħjar u bil-Luxol jirrilissaw fil-logħob tagħhom, huma għamlu run ta’ 10-0 fl-ewwel erba’ minuti bi tlett baskets ta’ C. Grima bil-coach ta’ Luxol Charles Bonnici jagħjjat time-out. Luxol wieġbu bi trippli minn Pace u Zammit iżda Hibs komplew inaqqsu d-distakk wara punti minn Josephine Grima u Maria Said biex Luxol bdew l-aħħar taqsima disgħa minn fuq 53-44. Hawn ic-champions reġgħu bdew tajjeb meta għamlu break ta’ 8-0 bil-punti ta’ Mandi Mercieca, Pace u De Martino. Luxol komplew iżidu l-vantaġġ tagħhom u minkejja li Hibs kellhom żewġ trippli konsekuttivi minn Grima kienu għadhom il-bogħod mill-avversarji biex Luxol għalqu l-partita b’żewġ baskets ta’ De Martino u ħarġu rebbieħa 73-54 u 124-99 bl-aggregate. Fi tmiem il-partita il-President Emeritus tal-MBA is-Sur Louis Borg ippreżenta t-trofew lil captain ta’ Luxol Mandi Mercieca.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 22, B. Zammit 9, N. Agius, J. Borg Cardona 1, M. Mercieca 4, S. De Martino 31, N. Vella, A. Calleja, P. Ellul, C. Sollami, M. Darmanin, C. Curmi 6.

Electrofix Hibs: J. Scerri 2, E. Cassar 2, N. Vella, I. Agius, J. Grima 12, M. Said 2, C. Grima 19, K. P. Mifsud, N. Mifsud, H. Al Tumi 14, N. Farrugia, G. Costa 3.

Referees: Gordon Barbara, Stephen Micallef, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Ritratti: MPC Photography: https://www.facebook.com/mpcphotographers/?fref=ts





Leave a comment