Caffè Moak Luxol jerbħu s-Super Cup għar-raba’ sena konsekuttiva

Monday, October 6, 2014, 21:25

ST. JAMES HOSPITAL SUPER CUP NISA

minn Colin Schembri

Pavi Depiro 73

Caffè Moak Luxol 78
(16-15)(12-18)(21-20)(24-25)

Caffè Moak Luxol żammew l-unur tas-St. James Hospital Super Cup għar-raba’ sena konsekuttiva meta rebħu l-ewwel unur tagħhom dan l-istaġun. Iż-żewġ timijiet kienu diġa ltaqgħu fil-finali tat-tournament tal-ħamsin anniversarju u dak in-nhar f’ħin ridott kienu Depiro li ħarġu rebbieħa. Iż-żewġ timijiet kellhom bidla waħda minn ġimgħa qabel fejn għal Depiro kien hemm il-player Milla Kopra flok Petra Montaro fil-waqt li Oceane Visser ħadet post Samantha Tabone għal Luxol. Kienu Luxol li għamlu l-ewwel basket mill-Amerikana Lakeitha Alston però Depiro wieġbu bi trippla ta’ Sam Brincat qabel ma Luxol reġgħu marru fuq quddiem 6-4. Steffi De Martino kellha żewġ trippli għal Luxol biex tathom vantaġġ ta’ 3 punti u minkejja li Luxol kisbu three pointer ieħor minn Beverlee Zammit, Depiro għalqu s-sessjoni bil-punti ta’ Sierre Evans u Maria Bonett għal skor ta’ 16-15. Depiro baqgħu fuq quddiem sa’ nofs it-tieni sessjoni qabel ma Luxol kellhom run ta’ 10-4 biex marru fuq quddiem 27-24. Qabel intemmet is-sessjoni kien hemm trippla fuq kull naħa u Luxol daħlu jistrieħu ħamsa minn fuq 33-28.

Luxol fetħu tajjeb fit-tielet taqsima fejn bil-punti ta’ De Martino u Evans kabbru l-vantaġġ għal disa’ punti 40-31. Wara time-out, Depiro ġew f’tagħhom u għamlu run ta’ 9-2 biex waslu sa’ basket ‘l bogħod 40-42. De Martino u Zammit bi trippla reġgħu kabbru l-vantaġġ għal Luxol 51-42 iżda Depiro ġew lura u s-sessjoni għalqet bil-Luxol fuq quddiem 53-49. Fl-aħħar taqsima l-partita kompliet tisbieħ u Luxol fetħu qawwi b’żewġ trippli ta’ Zammit. Hawn iżda Depiro kellhom mument mill-aqwa b’erba’ three pointers minn Gaby Mifsud, Bonett u tnejn ta’ Evans u fit-tmien minuta marru minn fuq 66-63. Il-vantaġġ kompla jinbidel fl-aħħar minuti b’Evans tagħmel trippla oħra u Depiro kienu punt minn fuq 73-72. Fl-attakk ta’ wara kienet De Martino li reġgħat poġġiet lil Luxol minn fuq b’Evans tispiċċa fouled out u Monique Caruana u Paula Ellul għamlu l-aħħar free-throws u Luxol rebħu l-partita 78-73. Fi tmiem il-partita s-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ippreżenta t-trofew lil captain ta’ Luxol Steffi De Martino.

Pavi Depiro: A. Mifsud 1, G. Mifsud 5, R. Calleja, S. Brincat 12, M. Bonett 14, N. Agius 4, M. Mifsud 5, A. Borg 4, S. Evans 28, M. Kopra, S. Micallef, C. Ciantar.

Caffè Moak Luxol: M. Caruana 12, B. Zammit 12, O. Visser, I. Medina, C. Sollami,  S. De Martino 24, K. Portelli, J. Borg Cardona 8, P. Ellul 6, L. Alston 22, M. Darmanin, C. Curmi.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Clive Terribile.





Leave a comment