- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Caffè Moak Luxol jerbħu s-Shield għat-tmien darba

Posted By sportinmalta1 On November 9, 2015 @ 11:47 am In Basketball,Featured | No Comments

Caffè Moak Luxol 62

Pavi Depiro 38

(18-10)(14-6)(14-14)(16-8)

Ic-Champions Caffè Moak Luxol kisbu t-tieni unur tagħhom dan l-istaġun meta fil-finali tas-St. James Hospital Shield għelbu lil Pavi Depiro 62-38 biex kisbu t-tmien suċċess tagħhom f’din il-kompetizzjoni. Luxol, li kellhom nieqsa lil Beverlee Zammit kellhom wirja tajba fid-difiża u Depiro sabu diffikulta jinfdu u kważi nofs il-punti tagħhom ġew minn barra. Depiro kellhom għall-ewwel darba lil Justine Xuereb li fil-passat diġa kienet libset il-flokk tagħhom.  Fl-ewwel żewġ attakki kien hemm punti fuq iż-żewġ naħat hekk kif Maria Bonett wieġbet għall-punti minn Sarah Pace u Mandi Mercieca. Hawn però waslet l-ewwel run minn Luxol ta’ 10-0 mibdija minn Paula Ellul flimkien ma’ Steffi De Martino u Joselle Borg Cardona. Depiro waqqfuhom bi trippla minn Sam Brincat però Luxol kellhom il-punti ta’ Christine Curmi biex temmew l-ewwel sessjoni 18-10 minn fuq. Luxol fetħu t-tieni taqsima bi trippla ta’ De Martino u għalkemm Depiro wieġbu għal darbtejn permezz ta’ Claire Ciantar u Gaby Mifsud, Luxol komplew bi break ieħor ta’ 8-0 b’baskets minn Sarah Pace, Sophie Abela u De Martino. Svetlana Micallef waqqfithom b’basket għal Depiro iżda c-champions komplew b’żewġ baskets oħra minn Mercieca u De Martino biex daħlu jistrieħu 32-16 minn fuq.

It-tielet taqsima kienet l-aktar waħda bilanċjata hekk kif Depiro żammew il-pass mal-avversarji grazzi għall-erba’ three pointers ta’ Brincat. Luxol però kienu għadhom 12 minn fuq fis-sitt minuta 39-27 u komplew b’sitt punti oħra biex temmewha 46-30 minn fuq. Huma ma waqfux fuq dan il-vantaġġ għaliex bid-Depiro issa demoraliżżati, Luxol fetħu l-aħħar sessjjoni b’seba’ punti oħra mingħajr risposta bi trippla oħra ta’ De Martino. Depiro wieġbu b’basket ta’ Tina Mifsud u trippla minn oħtha Gaby però kienu għadhom ferm ‘l bogħod mill-avversarji. Luxol b’hekk setgħu jamministraw il-partita u għalquha bit-tielet trippla ta’ De Martino biex ħarġu rebbieħa 62-38. Fi tmiem il-partita s-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ppreżenta t-trofew lil Mandi Mercieca ta’ Luxol.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 10, M. Mercieca 9, N. Agius, J. Borg Cardona 8, C. Sollami,  S. De Martino 17, L. Serge, S. Abela 2, P. Ellul 2, G. Costa, M. Darmanin, C. Curmi 14.

Pavi Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud 5, S. Brincat 15, M. Bonnett 4, C. Camilleri, T. Mifsud 5, P. Montanaro, J. Xuereb, S. Micallef 7, C. Ciantar 2.

Referees: Teemu Helenius, Brian Sly, Jennifer Mangani.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/caffe-moak-luxol-jerbhu-s-shield-ghat-tmien-darba/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.