- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Caffè Moak Luxol jerbħu l-ewwel unur dan l-istaġun

Posted By sportinmalta1 On April 1, 2018 @ 11:13 pm In Basketball,Featured | No Comments

St. James Hospital Knockout – Nisa – FINALI

minn Colin Schembri

Depiro 54

Caffè Moak Luxol 57

(16-15)(11-22)(10-12)(17-8)

 

Ic-champions Caffè Moak Luxol għelbu lil Depiro 57-53 fil-finali

Ritratt: Wally Galea

tas-St. James Hospital Knock-out biex kisbu l-għaxar suċċess tagħhom f’din il-kompetizzjoni u l-ewwel unur tal-istaġun. L-Amerikana ta’ Luxol Maria Brown kellha waħda mill-aħjar wirjiet tagħha f’pajjiżna hekk kif mexxiet it-team fin-nuqqas ta’ Christina Grima u ġiet ivvutata bħala l-MVP tal-partita. Fl-ewwel ħinijiet iż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin bil-vantaġġ idur fuq kull naħa. Depiro bdew bil-punti ta’ Claire Ciantar, Alexis  Lloyd u Steffi De Martino fil-waqt li Brown u Sarah Pace wieġbu għal Luxol. Punti ta’ Maria Bonett ħallew lil Depiro fuq quddiem qabel ma Luxol kellhom trippla ta’ Pace u basket ta’ Curmi biex marru għall-ewwel darba minn fuq. Depiro kellhom break qasir ta’ 7-2 biex ħadu l-vantaġġ mill-ġdid bil-Luxol jagħlqu s-sessjoni bi trippla ta’ Cristina Sollami għal skor ta’ 16-15. Fit-tieni perjodu Depiro kabbru l-vantaġġ wara punti minn De Martino u Ciantar. Hawn Luxol kelljom mument mill-aqwa b’run ta’ 14-2 bi trippla ta’ Pace u diversi punti ta’ Brown biex marru 29-21 minn fuq. Ir-risposta ta’ Depiro ġiet minn baskets ta’ Ciantar u De Martino però trippli min Sollami u Pace raw lil Luxol jidħlu jistrieħu 37-27 minn fuq.

Fit-tielet taqsima iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Luxol żammew il-vantaġġ ta’ 10 punti. Depiro kellhom trippla ta’ Martina Scicluna però Luxol irrispondew bil-baskets ta’ Curmi u Brown li bejniethom għamlu t-tnax –il punt tagħhom f’dan il-perjodu għal skor ta’ 49-37. Fl-aħħar taqsima Depiro tħabtu biex jerġgħu jersqu viċin u punti ta’ Bonett u Lloyd rawhom inaqqsu d-distakk għal seba’ punti 45-52.

Ritratt: Wally Galea

Luxol kellhom risposta permezz ta’ Brown u trippla ta’ Pace biex reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 12 –il punt. Hawn Depiro għamlu l-aħħar sforz tagħhom meta bdew jippressaw u għamlu disa’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ De Martino. Huma waslu sa’ 3 punti ‘l bogħod però ma kienx fadlilhom ħin biex iwettqu r-rimonta tagħhom u Luxol setgħu jieħdu nifs qawwi hekk kif rebħu l-partita 57-54. Fi tmiem il-partita, is-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ippreżenta l-unur tal-MVP tal-finali lil Maria Brown u t-trofew tan-Knock Out lil captain ta’ Luxol Sarah Pace fost il-ferħ tal-players u coaches u l-partitarji ta’ Luxol.

Depiro: M. Scicluna 5, T. Mifsud, M. Bonnett 10, S. De Martino 10, N. Agius 6, N. Agius, A. Lloyd 13, C. Ciantar 10.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 14, M. Caruana 3, N. Vella, N. Vella, K. Portelli, L. Caruana Montaldo, M. Brown 24, C. Solllami 6, M. Darmanin, C. Curmi 10.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Christine Xuereb, Kamil Dworniczak.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/caffe-moak-luxol-jerbhu-l-ewwel-unur-dan-l-istagun/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.