- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Caffè Moak Luxol javvanzaw għas-semifinali

Posted By sportinmalta1 On January 29, 2018 @ 9:12 pm In Basketball,Featured | No Comments

St. James Hospital Knock-out Nisa

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 40

Caffè Moak Luxol 73

(9-12)(5-29)(16-11)(10-21)

Ic-champions u l-holders Caffè Moak Luxol għaddew għas-semi-finali tas-St. James Hospital knock-out wara rebħa faċli fuq Gżira Athleta 73-40. Athleta huma biss id-dell tat-team li fil-bidu tal-istaġun rebaħ l-ewwel żewġ unuri tal-istaġun. Minn naħa l-oħra Luxol issaħħew ferm wara l-akkwisti ta’ Christina Grima u l-Amerikana Maria Brown hekk kif dawn iż-żewġ players kienu protagonisti fir-rebħa meta għamlu 45 punt bejniethom mit-total ta’ 73. Athleta kellhom lura lil Beverlee Zammit u Leanne Duncan li kienu tilfu l-aħħar partita tagħhom fil-waqt li Luxol kienu bi skwadra kompluta ta’ 12 –il player hekk kif irritornat ukoll Monique Caruana. Fl-ewwel sessjoni Athleta kellhom biss il-punti tal-Amerikana Amelia Simmons li għal xi raġuni ma ħaditx sehem aktar fil-partita wara l-intervall. Il-punteġġ ta’ Luxol kien maqsum bejn Grima u Brown flimkien ma’ basket ta’ Christina Curmi biex huma temmew is-sessjoni 12-9 minn fuq.

Ritratt: Wally Galea

Fit-tieni perjodu Luxol kellhom bidu mill-aqwa meta għamlu run ta’ 12-2 b’aktar punti ta’ Brown u Grima. Athleta waqqfuhom bi trippla ta’ Zammit iżda ma kienx il-każ ghaliex Luxol iddominaw il-kumplament tat-taqsima b’run qawwija ta’ 17-0 fosthom three pointers minn Brown u Sarah Pace flimkien mal-punti minn Grima u Cristina Sollami. Fl-intervall, ir-riżultat kien wieħed sorprendenti hekk kif Luxol kellhom vantaġġ ta’ 27 punt, 41-14.

Wara l-mistrieħ iż-żewġ coaches wettqu xi tibdil bil-Luxol jużaw players ta’ taħt it-23 sena għal ħin twil. Athleta bil-mod bdew inaqqsu mill-iżvantaġġ kbir li kellhom wara three pointers minn Zammit u Antoinette Borg flimkien mal-punti ta’ Duncan u Denise Said Hollier. Luxol kellhom lil Grima lura fuq il-court u l-punti tagħha flimkien ma’ Martina Darmanin u Curmi rawhom itemmu s-sessjoni 52-30 minn fuq. Fl-aħħar perjodu, Luxol reġgħu bdew bi break ta’ 10-2 biex temmew kull tama tal-Athleta li jsalvaw il-partita. Żagħżagħ bħal Nicole Vella, Lora Caruana Montaldo, Monique Caruana u Sollami kellhom iċ-ċans li jniżżlu isimhom fost l-iskorers fl-aħħar ħinijiet tal-partita hekk kif Luxol għaddew għar-round li jmiss b’rebħa ta’ 73-40.

Gżira Athleta: B. Zammit 6, L. Duncan 8, A. Simmons 9, D. Said Hollier 4, A. Borg 11, J. Schembri, S. Vella, E. Pace, C. Mifsud.

 

Caffè Moak Luxol: S. Pace 3, M. Caruana 2, N. Vella 1, I. Baena Medina 1, N. Vella, C. Grima 20, K. Portelli, L. Caruana Montaldo 2, M. Brown 25, C. Solllami 6, M. Darmanin 2, C. Curmi 11.

Referees: Emanuel Mangani, Nicky Azzopardi, Kamil Dworniczak.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/caffe-moak-luxol-javvanzaw-ghas-semifinali/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.