Caffè Moak Luxol jagħtu l-ewwel telfa lil Starlites

Monday, December 3, 2018, 17:39

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa

minn Colin Schembri

Depiro 58

Hibernians 60

(8-9)(10-18)(17-13)(23-20)

Ic-champions Hibernians irritornaw għar-rebħ hekk kif huma għelbu lil Depiro 60-58 f’partita kumbattuta fejn iż-żewġ Amerikani spikkaw bil-wirjiet tagħhom flimkien ma’ players bħal Steffi De Martino u Sam Brincat. Hibs kellhom bidla fit-tmexxija hekk kif Tony Camilleri, wiċċ li m’għandu bżonn l-ebda ntroduzzjoni f’Ta’ Qali, ħa post Simone Zammit fuq il-bank. Hibs kellhom ir-ritorn ta’ Sophie Abela fil-waqt li Depiro kienu mingħajr Claudia Camilleri. L-ewwel sessjoni kienet nieqsa mill-punti hekk kif sal-ħames minuta Depiro kienu minn fuq 5-2 wara trippla ta’ Nicole Agius u basket minn Ashley Gray. Hibs ħadu l-vantaġġ b’żewġ baskets minn Abela u Amelia Simmons u għalqu t-taqsima bi trippla ta’ Brincat għal skor ta’ 9-8.  Fit-tieni perjodu, iż-żewġ timijiet baqgħu viċin ta’ xulxin hekk kif l-ewwel kienu Hibs li marru 4 minn fuq bid-Depiro jippareġjaw bil-punti ta’ Gray u Agius. Hibs kellhom mument tajjeb bi break ta’ 13-2 b’żewġ trippli minn Brincat u Ema Micallef biex sal-intervall fetħu vantaġġ ta’ 9 punti 27-18.

Fit-tielet sessjoni Depiro rkupraw u kellhom it-three pointers minn De Martino u l-punti ta’ Gray u Claire Ciantar biex marru punti minn fuq 30-29. Hibs għajtu time-out u kienu huma li għamlu run 9-2 kważi kollha minn Simmons biex temmew il-perjodu 40-35 minn fuq. Fl-aħħar taqsima l-logħoba kompliet tkun bilanċjata hekk kif Hibs reġgħu marru 8 minn fuq 47-39. Gray u De Martino għal darb’oħra mexxew ir-rimonta ta’ Depiro bi break ta’ 14-4 biex marru fuq quddiem 53-51 iżda trippla ta’ Leanne Duncan poġġiet lil Hibs fuq quddiem. Lejn it-tmiem kien hemm il-punti ta’ Duncan u Brincat għal Hibs u Depiro ma rrikorewx għal foul fl-aħħar pussess tal-Pawlisti biex Hibs ħarġu rebbieħa 60-58.

Depiro: No. Agius, G. Mifsud, Ni. Agius 5, E. Cassar, D. Agius, S. De Martino 20, D. Said Hollier, M. Scicluna, N. Hili, C. Ciantar 6, A. Mifsud, A. Gray 27.

 

Hibs: E. Micallef 5, E. Cassar 6, K. Calleja, S. Brincat 8, I. Agius, J. Abela, S. Abela 12, A. Simmons 22, N. Farrugia, H. Al Tumi, K. Caruana, L. Duncan 7.

Referees: Daniella Torok, Nicky Azzopardi, Ivica Simic.

Caffè Moak Luxol 60

Starlites GIG 52

(11-15)(10-9)(18-17)(21-11)

Caffè Moak Luxol taw l-ewwel telfa lil Starlites GIG dan l-istaġun meta

Ritratt: Wally Galea

wara rimonta stupenda fl-aħħar taqsima huma ħarġu rebbieħa 60-52. Luxol m’humiex ġodda għal dawn it-tip ta’ rimonti però din kienet l-ewwel darba li baqgħu sejrin biex ħadu r-rebħa. Starlites kellhom nieqsa lil Christina Curmi u postha ħadithu l-Ungeriża Fanni Fabok. Il-partita rat ukoll id-debutt f’kategorija tas-seniors tar-referee Nathan Xuereb li diġa nafuh bħala player tal-Athleta. Luxol ħadu l-ewwel vantaġġ wara trippla ta’ Ina Baena u l-punti tal-Amerikana Alexis Dillard. Starlites ġew lura bi break ta’ 8-0 bi trippla ta’ Michela Zammit Cordina u baskets minn Patricia Arguello biex għalqu l-ewwel taqsima 15-11 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Luxol bdew bi break ta’ 8-2 biex marru minn fuq qabel ma Starlites wieġbu bi trippla minn Maria Bonett biex reġgħu ħadu vantaġġ li żammew sal-intervall 24-21.

Fit-tielet sessjoni għal darb’oħra Luxol għamlu run ta’ 9-2 bi trippla ta’ Monique Caruana biex marru 30-28 minn fuq. Ir-risposta ta’ Starlites ġiet bit-three pointers ta’ Arguello u Kristy Galea flimkien ma’ Anthea Micallef u Bonett għal skor ta’ 41-35. Qabel intemmet it-taqsima, Luxol reġgħu naqqsu d-distakk bil-punti ta’ Dillard u Kay Portelli biex basket wieħed kien jifred liż-żewġ timijiet 41-39. Fl-aħħar sessjoni Starlites dehru se jieħdu kontroll tal-partita meta bdew bi tmien punti mingħajr risposta u għall-ewwel darba marru 10 minn fuq 49-39. Hawn però Starlites waqfu mill-punti tagħhom u Luxol approfittaw b’run stupenda ta’ 21-0 b’żewġ trippli ta’ Sarah Pace u oħra ta’ Caruana flimkien mal-punti minn Dillard u Antoinette Borg. Starlites tfixklu u setgħu biss jagħmlu trippla minn Galea lejn it-tmiem però kienu Luxol li ħadu r-rebħa 60-52.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 12, M. Caruana 8, N. Vella, I. Baena 12,  K. Portelli 2, A. Borg 3, A. Dillard 20, L. Caruana Montaldo, C, Mifsud 2.

 

Starlites: M. Zammit Cordina 10, K. Galea 11, A. Micallef 2, S. Farrugia 2, M. Bonett 9, H. Acreman, M. Riolo, J. Grima 6, P. Arguello 12, M. Cutajar, S. Davies, F. Fabok.

Referees: Tuomas Mantere, Ivica Simic, Nathan Xuereb





Leave a comment