Caffè Moak Luxol champions għal darb’oħra

Monday, April 20, 2015, 21:36

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL NISA – FINALI 

minn Colin Schembri

Honey Athleta 51

Caffè Moak Luxol 73

(19-19)(15-10)(10-25)(7-19)

Caffè Moak Luxol huma mill-ġdid ic-champions tal-basketball

https://www.facebook.com/pages/MPC-Photography/1514051275539716

femminili wara li fit-tielet partita tal-finali għelbu lil Honey Athleta 73-51. Għal Luxol dan kien it-tieni kampjonat konsekuttiv, ir-raba’ wieħed fl-aħħar ħames staġuni u l-ħdax –il wieħed fl-isorja tagħhom. Luxol dan l-istaġun tilfu lil Mandi Sciortino u Greta Costa (li t-tnejn saru ommijiet tul il-kors tal-istaġun) però ssaħħu bl-akkwisti ta’ Beverlee Zammit u Joselle Borg Cardona. Ftit kienu d-drabi li t-team imexxi minn Sandro Farrugia kien megħlub dan l-istaġun għalkemm telfa minnhom swiethom tazza. Athleta kienu fit-tieni finali konsekuttiva tagħhom però ftit setgħu jagħmlu kontra l-qawwa tac-champions tant li ma rebħulhomx darba fl-għaxar partiti li lagħbu. It-team ta’ Ruth Spiteri però xorta daqu s-suċċess dan l-istaġun hekk kif rebħu l-unur tan-Knock-out. Fl-ewwel sessjoni l-protagonista tal-Luxol kienet Sarah Pace b’erba’ three pointers. Athleta bdew tajjeb però kull darba li marru minn fuq sabu lil Luxol jirrispondu speċjalment bit-three pointers fejn minbarra l-erbgħa ta’ Pace kien hemm ukoll ieħor ta’ Beverlee Zammit. L-ewwel sessjoni ntemmet f’parita ta’ 19-19. Fit-tieni perjodu Athleta komplew bil-punti ta’ Amelia Simmons u t-three pointers ta’ Denise Said Hollier. Luxol kellhom il-punti ta’ Steffi De Martino u Cardona però Athleta daħlu jistrieħu 34-29 minn fuq.

Fit-tielet perjodu kien hemm basket fuq kull naħa però mbagħad Luxol ħadu r-riedni tal-partita f’idejhom b’run ta’ 14-0. De Martini kienet protagonista bil-punti kontinwi tagħha fejn kellha wkoll trippla. Athleta waqqfuhom b’erba’ free-throws ta’ Simmons iżda Pace għamlet il-ħames trippla tagħha biex Luxol temmew is-sessjoni 54-44 minn fuq. Athleta taw ħjiel li se jirkupraw meta fetħu l-aħħar taqsima b’żewġ baskets konsekuttivi minn Leanne Sciberras u Simmons. Luxol però ftit tawhom ċans għaliex għamlu break ieħor ta’ 9-0 bil-punti ta’ De Martino, Pace u Laekitha Alston. L-aħħar punti ta’ Athleta waslu minn trippla ta’ Antoinette Borg però Luxol għalqu l-partita bi break ieħor ta’ 10-0. Steffi De Martino kienet magħżula bħala l-MVP tas-serje finali u kienet hi li rċiviet it-trofew ta’ Champions mingħand il-President tal-MBA Paul Sultana biex Luxol iċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat mal-partitarji tagħhom.

Honey Athleta: E. Moore 2, L. Pirotta 2, S. Vella, L. Sciberras 4, A. Borg 3, D. Said Hollier 9, A. Simmons 25, R. Sciberras, S.J. Barbara 6, C. Mifsud.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 23, B. Zammit 4, M. Caruana, I. Baena, S. Tabone, S. De Martino 26, O.Visser, J. Borg Cardona 4, P. Ellul 4, L. Alston 11, M. Darmanin, C. Curmi.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Brian Sly.

Ritratti: MPC Photography: https://www.facebook.com/pages/MPC-Photography/1514051275539716





Leave a comment