Caffè Moak Luxol b’rebħa drammatika

Monday, October 3, 2016, 22:17

St. James Hospital Super Cup – FINALI

minn Colin Schembri

Hibernians 49

Caffè Moak Luxol 50

(12-12)(9-17)(18-6)(10-15)

Basket ta’ Sarah Pace fl-aħħar sekonda ta rebħa drammatika lil Caffè Moak Luxol fil-finali tas-St. James Hospital Super Cup kontra Hibernians. Hibs kellhom id-debutt tal-Amerikana Trudy Armstead fil-waqt li Luxol kienu mingħajr Beverlee Zammit. Kienu Luxol li ħadu l-ewwel vantaġġ wara run ta’ 10-0 bil-punti ta’ Steffi De Martino u l-Kanadiża Lindsay Lessard. Hawn Hibs ġew f’tagħhom u b’Armsead tidħol aktar fix-xena, kellhom run ta’ 12-1 li għalquha bi trippla ta’ Naomi Farrugua biex is-sessjoni għalqet fuq parita ta’ 12-12. Luxol fetħu aħjar fit-tieni taqsima fejn kellhom il-punti ta’ Lessard f’run ta’ 7-0 u sal-intervall iż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin biex ic-champions daħlu jistrieħu 29-21 minn fuq.

Wara l-intervall Luxol żiedu l-vantaġġ għal 10 punti però hawn sofrew rimonta qawwija mill-Pawlisti li kellhom break ta’ 14-0 bi trippla ta’ Ema Micallef biex kienu huma li fetħu vantaġġ fi tmiem il-perjodu 39-35. Luxol reġgħu reqsu viċin fil-ftuħ tal-aħħar taqsima bil-punti ta’ Lessard u De Martino. Farrugia kellha trippla oħra għal Hibs bil-Luxol jippareġjaw il-partita b’żewġ baskets oħra ta’ Lessard. Armstead u Micallef reġgħu poġġew lil Hibs fuq quddiem iżda meta kien għad fadal ftit sekondi Pace l-ewwel għamlet free-throw wieħed u mill-offensive rebound sussegwenti l-ballun reġa’ wasal għand Pace li kisbet il-basket tar-rebħa fl-aħħar sekonda. Fi tmiem il-partita l-istess Pace irċievet it-trofew tar-rebħ mingħand il-President tal-MBA Paul Sultana.

Hibernians: E. Micallef 8, E. Cassar 2, N. Vella, I. Agius, K. Caruana 2, R. Vella, K. Portainer Mifsud, N. Farrugia 9, T. Armstead 22, J. Scerri 6.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 7, C. Sollami, M. Mercieca 1, I. Baena Medina, M. Darmanin 6, S. De Martino 9, K. Portelli, A. Calleja, P. Ellul 4, N. Vella, L. Lessard 23, C. Curmi.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Emanuel Mangani.





Leave a comment