Cachia, Demicoli jieħdu l-ewwel unuri fil-Garmin BSJ Open Water Swim Series

Friday, July 24, 2020, 8:23

Is-sajf tal-isport tal- Birkirkara St. Joseph Sports Club kompla nhar l-Erbgħa waranofsinhar meta saret it-tellieqa tal-ftuħ tal-Kampjonati Garmin BSJ Open Water Swimming fil-Bajja ta’ Salina. Aktar minn tmenin għawwiema ħadu sehem fl-għawma ta’ 2 kilometri, li kienet tikkonsisti f’żewġ dawriet ta’ kilometru fil-bajja.  Billi din kienet l-ewwel tellieqa tal-kampjonati, l-għawwiema telqu fi grupp wieħed. It-tlielaq li jmiss se jaraw l-għawwiema jinqasmu fi gruppi separati bbażati fuq il-ħin tat-tellieqa ta’ qabel.  Minkejja l-għadd kbir ta’ dgħajjes ankrati fiż-żona, l-għawwiema kellhom kundizzjonijiet tal-baħar perfetti.

Fost l-atleti prezenti kien hemm Sarah Demicoli, Andre Camilleri, Leah Satariano, Stefano Debono Grech u Maya Schembri Rodgers li ħafna minnhom irreġistraw l-aħjar ħin personali

Dylan Cachia, irritorna f’din il-kompetizzjoni wara l-assenza tiegħu s-sena l-oħra minħabba l-preparamenti tiegħu għall-Kampjonati Dinjija taż-Żgħażagħ 2019. Cachia wera l-ħila tiegħu mhux biss billi spiċċa l-ewwel iżda wkoll irreġistra titjib sostanzjali fil-ħin personali tiegħu ta’ 23 minuta u 12-il sekonda. Fit-tieni post kien Andre Camilleri, għawwiem ieħor li mar tajjeb b’ħin imtejjeb. Fit-tielet post daħal id-debuttant Josh Dannhauser li temm it-tellieqa f’25 minuta u 41 sekonda.

Sarah Demicoli kompliet turi l-pożizzjoni indiskutibbli tagħha bħala l-aqwa għawwiema femminili fl-għawm tal-open water. Demicoli temmet it-tellieqa fil-ħames post ġenerali u rreġistrat ħin imtejjeb ta’26 minuta u 2 sekondi. Fit-tieni post daħlet Martina Micallef, f’ħin ta’ 27 minuta u 49 sekonda, Din kienet segwita minn Leah Satariano li daħel erba sekondi warajha.  Satariano rreġistrat wkoll prestazzjoni aħjar mis-sena l-oħra.

Il-midalji lill-ewwel tliet għawwiema maskili u femminili minn Anna Vella, rappreżentanta ta’ proteinmalta.com u Mark Gaglione, rapprezentant ta’ Medcomms Ltd, sponsors ewlenin tal-kampjonat u aġenti esklussivi tal-prodotti Garmin f’Malta. Il-Klabb huwa grat lejn dawn iż-żewġ kumpaniji għall-appoġġ tagħhom.

It-tellieqa li jmiss tal-Garmin BSJ Open Water Swim Series ser issir l-Erbgħa 29 ta’ Lulju fis-6pm fis-Salina. Dawk l-għawwiema li jixtiequ jieħdu sehem u li għadhom ma rreġistrawx huma mitluba li jkunu fuq il-post mill-inqas 30 minuta qabel il-bidu tat-tellieqa.

Garmin BSJ Open Water Swim Series Rizultati – L-Ewwel Tellieqa

  Irġiel Nisa
1st Dylan Cachia (23:12) Sarah Demicoli (26.02)
2nd Andre Camilleri (24:02) Martina Micallef (27.49)
3rd Josh Dannhauser (25:41) Leah Satariano (27:53)




Leave a comment