Buttigieg u Busuttil jaħsdu lill-MFA bi protest fil-Qorti. L-MFA iżeffen fin-nofs lill-media

Thursday, January 26, 2012, 18:53
Sors tar-rapport www.maltarightnow.com
 
L-eks kowċis tat-tim nazzjonali Malti, John Buttigieg u Carmel Busuttil, ippreżentaw protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Malta Football Association fejn insistew li jitħallsu l-kumpens dovut lilhom kif miftiehem bejn iż-żewġ partijiet wara li kellhom il-kuntratt tagħhom mitmum ħesrem fl-1 ta’ Novembru tas-sena l-oħra.
           
Buttigieg u Busuttil qalu li kienu marbutin b’kuntratt mal-MFA sat-30 ta’ Ġunju tal-2014, iżda wara li kellhom l-impjieg tagħhom itterminat, l-MFA applikat Artiklu 36(11) tal-Kap 452 tal-liġijiet ta’ Malta biex tħallas nofs il-paga kollha taż-żewġ eks impjegati tagħha dwar il-bqija taż-żmien miftihiem bejniethom.
 
Fil-protest ġudizzjarju Buttigieg u Busuttil qalu li minkejja li l-MFA iddikjarat kemm pubblikament kif ukoll magħhom, anke bi ftehim mgħoddi lilhom, li kienet se tonora l-obbligi legali kollha u tħallas dak kollu li huwa statutorjament u kontrattwalment dovut lilhom,  l-istess MFA għadha ma ffirmatx il-ftehim u lanqas ħallset il-flus dovuti lilhom minkejja d-diversi tentattivi min-naħa tagħhom biex dan il-kapitlu jingħalaq bl-iffirmar u bil-ħlasijiet dovuti.
 
Buttigieg u Busuttil qalu wkoll li l-MFA naqset ukoll milli tirregolarizza l-pożizzjoni tagħhom mad-dipartiment relattiv biex il-ħlasijiet tat-taxxi kollha dovuti fuq il-qliegħ tagħhom jkunu mħallsin kif obbligat ruħha li se tagħmel.
 
Buttigieg waħdu qiegħed jitlob ukoll li l-assoċjazzjoni Maltija tal-futbol tħallsu l-“match bonus” għar-riżultat pożittiv li kiseb it-tim Malti fil-partita tal-11 ta’ Settembru li għadda kontra Georgia.
 
Iż-żewġ eks kowċis nazzjonali qegħdin jgħidu wkoll li l-aġir tal-MFA qiegħed jikkawżalhom ħsara u danni serji u rreparabbli, u għalhekk qed iżommuha responsabbli skont il-liġi.
 
Fid-dawl ta’ dan kollu huma qed jitolbu lill-MFA biex fi żmien ħamest ijiem tagħlaq u tikkonkludi l-iffirmar tal-ftehim relatat mat-terminazzjoni tal-impjieg tagħhom, inkluż li jsir il-ħlas relattiv lil kull wieħed minnhom kif miftihem informalment imma dejjem a bażi tar-relazzjoni kontrattwali tal-impjieg u l-liġi industrijali tal-pajjiż.
 
Intant l-MFA permezz tal-Avukat impjegat tagħha Dott.Chris Bonnet iċċirkolat din l-istqarrija hawn taħt li qed tkun publikata fit-totalita’ tagħha. Interessanti wieħed jinnota li għal darb’oħra iżżefnet il-media fin-nofs każ ieħor ċar kemm hi sensittiva u kemm tidejjaq l-MFA meta joħorġu stejjer negattivi fil-konfront tagħha fil-mezzi tax-xandir.

Permezz ta’ din l-istqarrija l-Malta Football Association tiddikjara li tinsab sorpriża bil-protest ġudizzjarju illi ġie ppreżentat mis-sinjuri John Buttigieg u Carmel Busuttil fil-konfront tal-istess MFA u dan minħabba l-fatt illi minn meta ġie terminat l-impjieg taż-żewġ kowċis sal-lum stess, iż-żewġ partijiet kellhom djalogu kostruttiv ħafna permezz ta’ laqgħat u skambju ta’ korrispondenza sabiex tiġi konkluża l-kwistjoni bl-aktar mod amikevoli, tant illi sa dalgħodu stess iż-żewġ kowċis rispettivi bagħtu abbozzi ta’ ftehim ta’ terminazzjoni tal-impjieg emendati lill-MFA fejn qegħdin jitolbu li l-ħlas isir sal-31 ta’ Jannar 2012.

L-MFA tittama illi l-materja tiġi konkluża mill-aktar fis kif dejjem kienet l-intenzjoni tal-MFA u ħadd ma juża l-mezzi tax-xandir għal skopijiet ulterjuri mingħajr ebda bażi u bla bżonn.

 

Dr Chris Bonnett

Kap tad-Dipartiment Legali





Leave a comment