Bupa Luxol l-ewwel finalistiu rebħa kull wieħed għal Depiro u Floriana

Tuesday, April 4, 2017, 22:35

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

minn Colin Schembri

Fi spazju ta’ jumejn komplew is-semifinali tal-kampjonat tal-ewwel diviżjoni. Bupa Luxol saru l-ewwel finalisti meta kisbu żewġ rebħiet oħra kontra Gżira Athleta. Is-serje l-oħra bejn Depiro u Floriana marret għar-raba’ partita wara rebħa minn kull team. L-MBA ħabbret li l-partita se tibda fis-19:30. Rebħa għal Depiro tpoġġijom fil-finali fil-waqt li rebħa għal Floriana tisforza l-ħames partita.

Floriana MCP Car Parks 77

Cynergi Depiro 44

(16-16)(14-9)(24-12)(23-7)

Floriana MCP Car Parks kellhom wirja mill-aqwa fit-tieni partita biex kisbu l-ewwel rebħa tagħhom kontra Cynergi Depiro. Fl-ewwel sessjoni ż-żewġ timijiet kellhom ammont ta’ three pointers biex il-vantaġġ bidel l-idejn għal diversi drabi. Għa; Floriana kien hemm waħda minn Chad Patus u tlieta minn Shawn Pace fil-waqt li Depiro kellhom tnejn minn Kurt Xuereb u Andrew Aquilina u s-sessjoni ntemmet f’parita 16-16. Fit-tieni perjodu Floriana bdew b’run ta’ 8-0 bejn Nikola Vasovic u Anton Axiaq. Depiro wieġbu bi trippla ta’ Robert Bonnici flmkien ma’ punti minn David Bugeja u DJ Mason. Patus wieġeb għal Floriana u għalkemm Aquilina kiseb it-tieni trippla tiegħu, Floriana għalqu t-taqsima ħamsa minn fuq 30-25.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni kien hemm punti fuq kull naħa qabel ma’ punti konsekuttivi ta’ Mason ressqu lil Depiro tlett punti ‘l bogħod mill-avversarji 33-36. Hawn Floriana reġa’ kellhom mument tajjeb bi break ta’ 11-0 kollhu minn Patus u Anton Axiaq. Ir-risposta ta’ Depiro ġiet minn żewġ baskets minn Mason u Bonnici però Floriana komplew b’seba’ punti oħra nkluż trippla ta’ Patus biex fetħu vantaġġ ta’ 17 –il punt 54-37. Fl-aħħar taqsima ir-reazzjoni ta’ Depiro ma waslitx anzi kienu Floriana li komplew b’run ta’ 11-0 bil-punti ta’ Vasovic u Patus. Depiro dehru maħsuda u ma kellhomx risposta biex Floriana rebħu l-partita 77-44.

Floriana MCP Car Parks: C. Patus 26, S. Pace 15, S. Borg 4, D. Agius, N. Vasovic 16, C. Calleja 2, A. Axiaq 14, A. Micallef Trigona, N. Andrejevic.

Cynergi Depiro: S. Zammit, D. Bugeja 2, R. Bonnici 7, D. Schembri, A. Aquilina 9, DJ Mason 14, T. Zammit, M. Mallia, A. Quiros 4, K. Xuereb 6, M. Borg, D. Scafidi 2.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Christine Farrugia.

Bupa Luxol 85

Gżira Athleta 77

(22-16)(20-23)(21-26)(22-12)

F’partita mill-isbaħ, Bupa Luxol kisbu t-tieni rebħa fis-semifinali tagħhom kontra Gżira Athleta. Luxol jibbażżaw il-logħob tagħhom fuq it-trio stupend William Ahlberg, Pierce Cumpstone u Samuel Deguara. Athleta tħabtu kemm felħu u kienu għadhom minn fuq sal-aħħar ftit minuti però run deċisiva ta’ 11-0 xaqilbet il-partita favur Luxol. Kienu Luxol li ħadu l-ewwel vantaġġ permezz ta’ Deguara flimkien ma’ CJ Cordina. Athleta wieġbu bil-punti ta’ Michael Naudi u Morakinyo Williams flimkien mat-three pointers ta’ Billy Zammit u David Camilleri biex ippareġjaw 13-13. Luxol kellhom run ta’ 9-3 b’sitt punti ta’ Ahlberg u temmew it-taqsima 22-16 minn fuq. Fit-tieni perjodu il-logħob kien aktar bilanċjat u Athleta waslu sa punt viċin wara punti ta’ Peter Shoults, Naudi u Josiah Whitehead. Deguara u Jean Paul Schembri rrispondew għal Luxol però Athleta ħadu l-vantaġġ għall-ewwel darba wara three pointers ta’ Shoults u Roderick Vella. Luxol irkupraw b’run oħra ta’ 9-0 li għalquha bi trippla ta’ Schembri biex fl-intervall kienu 42-39 minn fuq.

Fil-ftuħ tat-tielet taqsima kienu Athleta li reġgħu ħadu l-vantaġġ bit-three pointers ta’ Camilleri u Naudi. Għal ħin twil iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin bl-Athleta jżommu vantaġġ minimu. Luxol reġgħu marru minn fuq wara l-punti ta’ Deguara, Cumpstone u trippla ta’ Ahlberg però three pointer ta’ Roderick Vella rat lil Athleta jtemmu r-raba’ taqsima basket minn fuq 65-63. Athleta baqgħu minn fuq fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni fejn wara li Deguara kiseb l-ewwel punti ta’ Luxol, kellhom it-three pointers minn Shoults u Vella. Il-partita sbieħet ferm bl-ebda team ma jċedi pulzier u Luxol ħadu l-vantaġġ bi trippli ta’ Schembri u Ahlberg. Żewġ minuti mit-tmiem Williams poġġa lill- Athleta fuq quddiem għall-aħħar darba għax minn hemm ‘l quddiem kienu Luxol biss li għamlu l-punti speċjalment b’sensiela ta’ free-throws minn Ahlberg biex rebħu l-partita 85-77.

Bupa Luxol:  CJ Cordina 6, M. Mercieca, J. Maistre Melillo, JP Schembri 8, K. Dimech 2, W. Ahlberg 21, P. Cumpstone 17, S. Deguara 31, S. Cappello.

Gżira Athleta: M. Naudi 18, R. Vella 12, D. Camilleri 11, M. Williams 10, P. Shoults 13, F. Mifsud Bonnici, B. Zammit 3, L. Stefanovic, S. Vincic, M. Gauchi Montaldo, J. Whitehead 10.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Ivica Simic.

Cynergi Depiro 68

Floriana MCP Car Parks 60

(16-17)(8-17)(17-9)(27-17)

Cynergi Depiro reġgħu marru minn fuq fis-semi-finali

Ritratti: Wally Galea

kontra Floriana MCP Car Parks b’rebħa oħra din id-darba b’distakk ta’ sitt punti 68-60. Il-partita kienet movimentata fejn għal Depiro tkeċċa Kurt Xuereb għal protesti. Dan in-nuqqas immotiva aktar lil players ta’ Paul Ferrante li sa’ dak il-ħin kienu 11 minn taħt bi tlett minuti għat-tmiem it-tielet perjodu. Fl-aħħar taqsima tkeċċa wkoll il-coach Furjaniż Mario Tabone. Floriana tilfu lil Shawn Pace kmieni wara l-intervall b’injury. Għal darb’oħra l-partita kellha bidu missielet fejn il-punti bdew ġejjin fuq kull naħa fejn għal Floriana kienu ferm attivi Chad Patus u Nikola Vasovic fil-waqt li DJ Mason wieġeb għal Depiro. Floriana fetħu vantaġġ ta’ 5 punti wara punti konsekuttivi ta’ Patus però Mason u Robert Bonnici rrispondew għal Depiro biex Floriana temmew is-sessjoni punt minn fuq 17-16. Fit-tieni perjodu Floriana kabbru l-vantaġġ bil-baskets ta’ Sean Borg u Clayton Calleja. Wara risposta ta’ Depiro, il-Furjaniżi kellhom run ta’ 11-2 b’żewġ trippli ta’ Pace u daħlu jistrieħu 10 punti minn fuq 34-24.

Fit-tielet taqsima Depiro bdew aħjar u naqqsu d-distakk bil-punti ta’ Mason u Bonnici. Hawn weġġa’ Pace però Floriana żiedu l-vantaġġ bi trippla ta’ Vasovic u l-free-throws ta’ Patus wara t-tkeċċija ta’ Xuereb. Floriana kienu 11 minn fuq però Depiro ħasduhom b’disa’ punti konsekuttivi fl-aħħar żewġ minuti u naqqsu l-iżvantaġġ għal basket 41-43. Floriana rkupraw fil-ftuħ tal-aħħar taqsima bil-punti ta’ Vasovic li kellhu wkoll trippla però kellhom ukoll problema ta’ fouls. Trippla ta’ David Bugeja poġġiet lil Depiro fuq quddiem 57-56. Wara basket minn Axiaq, Depiro kellhom run deċisiva ta’ 11-0 minn Bugeja u Andrew Aquilina. Wara t-tkeċċija ta’ Tabone minn fuq il-bank, Floriana kellhom biss trippla minn Patus bid-Depiro jikkontrollaw tajjeb fl-aħħar sekondi u jieħdu r-rebħa 68-60.

Cynergi Depiro: N. Grech, D. Bugeja 20, R. Bonnici 12, D. Schembri, A. Aquilina 5, DJ Mason 27, T. Zammit, M. Mallia, A. Quiros 2, K. Xuereb 2, M. Borg, D. Scafidi.

Floriana MCP Car Parks: C. Patus 21, S. Pace 6, S. Borg 4, N. Vasovic 16, C. Calleja 4, A. Axiaq 9, A. Micallef Trigona, N. Andrejevic.

Referees: Gordon Barbara, Ivica Simic, Igor Marjanovic.

Gżira Athleta 81

Bupa Luxol 84

(22-31)(15-19)(23-12)(21-22)

Bupa Luxol huma l-ewwel finalisti tal-kampjonat Bank of Valletta wara l-aħħar dehra tagħhom fl-istaġun 2013-2014 meta wkoll kellhom magħhom lil Samuel Deguara. Athleta tħabtu kemm felħu u l-players taw il-massimu tagħhom fejn ġew lura saħansitra minn distakk ta’ 20 punt però finalment kellhom iċedu kontra l-qawwa ta’ Luxol u jfallu l-finali għat-tieni sena konsekuttiva. Partita mill-isbaħ fejn tkun tixtieq li ma tispiċċa qatt. Luxol fetħu tajjeb bħas-soltu permezz ta’ Deguara flimkien ma’ William Ahlberg u Pierce Cumpstone li kellhom trippla kull wieħed.

Ritratti: Wally Galea

Athleta wieġbu bil-punti ta’ Morakinyo Williams u Michael Naudi u naqqsu d-distakk għal punt wara trippla ta’ Roderick Vella. Luxol kellhom run ta’ 12-4 bi trippli minn CJ Cordina u Ahlberg għal skor ta’ 31-22. Luxol komplew iżidu l-vantaġġ fil-fiħ tat-tieni perjodu bi trippla oħra ta’ Cordina. Athletha wieġbu bil-punti ta’ Josiah Whitehead iżda 8 punti konsekkutivi taw vantaġġ ta’ 20 punti lil Luxol 48-28. Ir-risposta tal-Athleta ġiet b’run ta’ 9-2 bi trippla ta’ Vella però fl-intervall Luxol kienu 13 minn fuq 50-37.

Fit-tielet taqsima Luxol dehru fil-kontroll tal-partita speċjalment wara li reġħhu fetħu tajjeb bil-punti ta’ Deguara u trippla oħra ta’ Cordina. Hawn però Athleta għamlu sforz mill-aqwa fejn immexxija minn Michael Naudi għamlu run ta’ 14-0 biex naqqsu d-distakk għal basket 60-62. Kif mistenni r-raba’ taqsima kienet il-qofol tal-partita biż-żewġ timijiet ifittxu r-rebħa għal raġunijiet diversi. Whitehead poġġa lill-Athletha minn fuq qabel ma Luxol kellhom żewġ trippli minn Cordina u JP Schembri. Whitehead ukoll wieġeb bi trippa flimkien mal-punti konsekuttivi ta’ Vella biex il-vantaġġ kompla jdur minn naħa għall-oħra. Ħames punti konsekuttivi ta’ Cordina poġġew lil Luxol fuq quddiem u din id-darba Athleta ma rkuprawx hekk kif Ahlberg għamel l-aħħar free-throws li poġġew lil Luxol fil-finali. Athleta b’hekk temmew l-istaġun b’erba’ unuri fil-waqt li Luxol jistennew l-avversarji għar-rebħ tal-kampjonat.

 

Gżira Athleta: M. Naudi 20, R. Vella 16, D. Camilleri 2, M. Williams 6, P. Shoults 10, F. Mifsud Bonnici, B. Zammit, L. Stefanovic, S. Vincic, M. Gauchi Montaldo, J. Whitehead 27.

Bupa Luxol:  CJ Cordina 20, M. Mercieca, M. Sjoberg, D. Meli, J. Maistre Melillo, JP Schembri 6, K. Dimech 2, W. Ahlberg 15, P. Cumpstone 13, S. Deguara 28, S. Cappello.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Ivica Simic.

 

Ritratti: Wally Galea





Leave a comment