Bupa Luxol jibdew bir-rebħ u Starlites b’rebħa storika

Monday, October 21, 2013, 18:44

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD IRĠIEL

minn Colin Schembri

Pavi Depiro 59

Bupa Luxol 71
(10-17)(19-11)(18-24)(12-19)

Bupa Luxol bdew l-impenji tagħhom fis-St. James Hospital Shield b’rebħa fuq Pavi Depiro 71-59. Depiro reġgħu kienu mingħajr Turell Morris fil-waqt li Luxol kellhom lura lil Marco Mercieca. Luxol kellhom bidu mill-aqwa meta bdew bi break ta’ 10-2 bil-punti ta’ Adrian Micallef fosthom trippla u tal-Amerikan Michael Myres Keitt. Depiro kellhom biss free-shot ta’ Anton Axiaq però Luxol żiedu l-vantaġġ tagħhom b’sebgħa punti oħra fosthom trippla ta’ Nikola Vasovic għal skor ta’ 17-3. Depiro wettqu reazzjoni fl-aħħar tlett minuti tat-taqsima meta kellhom seba’ punti konsekuttivi biex naqqsu d-distakk għal 7 punti 17-10. Wara li Luxol għamlu l-ewwel żewġ punti tat-tieni perjodu, Depiro kellhom mument mill-aqwa b’run ta’ 13-2 b’żewġ baskets ta’ Isaac Tanti flimkien ma’ Emanuel Lupo u Abraham Portelli fost l-oħrajn biex marru minn fuq 23-21. CJ Cordina u Keitt reġgħu poġġew lil Luxol minn fuq però kienu Depiro li daħlu jistrieħu punt fuq l-avversarji wara punti minn Nigel Sultana u Portelli 29-28.

Luxol bdew aħjar fit-tielet sessjoni b’żewġ trippli minn Vasovic biex reġgħu marru fuq quddiem 34-29. Tanti reġa’ wieġeb għal Depiro qabel ma Luxol għaqqdu break ieħor ta’ 10-2 b’Keitt jagħmel tmien punti oħra. Minkejja li issa Luxol kienu 11 minn fuq 44-33, Depiro ma ċedewx u għamlu break ieħor ta’ 12-4 biex naqqsu d-distakk għal tlett punti 47-50 però s-sessjoni għalqet b’basket ta’ Keitt favur Luxol għal skor ta’ 52-47. Fil-bidu tal-aħħar sessjoni l-partita baqgħet missielta u wara li Luxol reġgħu żiedu l-vantaġġ wara baskets ta’ Stefan Capello u Keitt flimkien ma’ trippla oħra minn Vasovic, Depiro għamlu ħames punti oħra biex fis-sitt minuta kien hemm biss tlett punti bejn iż-żewġ timijiet 56-59. Hawn Luxol għamlu run oħra ta’ 7-0 fosthom il-ħames trippla minn sitta ta’ Vasovic u fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 66-56. Din id-darba Depiro ma rnexxielhomx jerġgħu jaslu viċin biex finalment Luxol rebħu l-partita 71-59.

Pavi Depiro: R. Vella 3, B. Zammit 2, N. Sultana 2, A. Aquilina 8, A. Portelli 16, A. Axiaq 8, E. Lupo 4, I. Tanti 16, M. Mallia.

Bupa Luxol: C.J. Cordina 2,  M. Mercieca 1, A. Micallef 8, E. Bonello, N. Andrejevic, J.P. Schembri 2, N. Vasovic 18, T. Paris, M. Myres Keitt 36, J. Willoughby, J.P. Bonnici, S. Capello 4.

Referees: Emanuel Mangani, Luke Camilleri, Clive Terribile.

Starlites 61

Remax Citadel Siġġiewi 56
(17-12)(14-22)(10-12)(20-10)

Starlites wettqu sorpriża fit-tieni ħarġa tagħhom meta għelbu lil Remax Citadel Siġġiewi 61-56 biex b’hekk kisbu l-ewwel rebħa fl-istorja tagħhom fl-ewwel diviżjoni. Għal Siġġiewi dan kien id-debutt staġjonali wara l-logħob fil-pre-season tournament u kienu mingħajr Eman Xuereb u Ivo Hoeger li jrid jiġi reġisrat fit-tmiem il-ġimgħa d-dieħla. Starlites b’Marco Todorovic u Robert Bonnici jagħmlu logħba kbira, huma rebħu l-partita għax baqgħu jissieltu sat-tmiem u kellhom nieqes lil Gabor Szokreny. Il-partita dehret li se tkun bilanċjata tant li wara ħames minuti logħob Siġġiewi kellhom vantaġġ ta’ punt 6-5. Wara punti fuq kull naħa li ħallew lil Siġġiewi basket minn fuq 10-8, Starlites kellhom run ta’ 9-2 b’punti minn Todorovic u Robert Loporto u temmew l-ewwel sessjoni minn fuq 17-12. Fit-tieni perjodu Steve Sammut għamel il-punti ta’ Siġġiewi però Todorovic għamel l-istess għal Starlites li fil-ħames minuta kienu 24-18 minn fuq. Wara aktar punti minn Sammut għal Siġġiewi, Starlites kellhom żewġ baskets minn Loporto u Bernard Soler u żammew l-istess distakk 28-22. Hawn Siġġiewi kellhom mument tajjeb ferm meta għamlu break ta’ 12-3 b’diversi punti ta’ Chris Sammut u Marco Matijevic biex daħlu jistrieħu fuq quddiem 34-31.

Wara l-intervall,  ftit kien hemm differenza bejn iż-żewġ timijiet għalkemm Siġġiewi kabbru l-vantaġġ għal sitt punti wara trippla minn Sammut. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin għalkemm kien hemm ukoll mumenti mingħajr punti. Baskets minn Matijevic u Bonnici għalqu s-sessjoni bis-Siġġiewi jibqgħu minn fuq 41-46. Fl-aħħar sessjoni Siġġiewi naqqsu ħafna l-logħba tagħhom u wara żewġ minuti, Starlites kienu diġa dawwru l-iskor wara seba’ punti konsekuttivi minn Todorovic. Lee Ross għamel trippla għal Siġġiewi biex reġa poġġijhom fuq quddiem għall-aħħar darba. Fl-aħħar ħinijiet kien hemm il-punti konsekuttivi ta’ Robert Bonnici fosthom trippla biex Starlites rebħu l-partita 61-56.

Starlites: M. Todorovic 25, R. Loporto 7, R. Bonnici 21, D. Massa, S. Bonnici,  B. Soler 8. A. Cutajar, K. Azzopardi.

Remax Citadel Siġġiewi: G. Coleiro 2, A. Debattista 2, S. Sammut 11, C. Sammut 11, S. Mamo 2, L. Camilleri 4, A. Borg 2, L. Ross 5, J.P. Antoncic, N. Falzon, C. Kodomaris, M. Matijevic 17.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Clive Terribile.





4 Comments

  1. Michael Caruana says:

    Prosit Karl, telfa ohra – ahjar jigi lura Peter Farrugia…

    [Reply]

  2. jborg says:

    Prosit karl. Tghajjat mat tfal tghajjat mal kbar. Nahseb ahjar toqghod tghajjat id dar.

    [Reply]

  3. Karmnu says:

    Tajba Karl…imbasta izzattat. tort tieghek dit-telfa kienet. first five tal-qamel u tbiddel bl-adocc. ghandek xorti taghddi ghall-playoffs

    [Reply]

  4. Michael Caruana says:

    Prosit Karl…kemm ghaqqadtu tajjeb it-team – ahjar jigu lura z-zewg Peters – ax dawk jiggieldu ghall-flokk

    [Reply]

Leave a comment