- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Bupa Luxol jerbħu t-tazza wara rimonta stupenda

Posted By sportinmalta1 On March 20, 2014 @ 5:22 pm In Basketball,Featured | No Comments

TAZZA LOUIS BORG IRĠIEL

minn Colin Schembri

Bupa Luxol 89

AtoZ Electronics Athleta 72

(27-22)(9-17)(26-8)(27-25)

Bupa Luxol għamlu rimonta stupenda wara l-intervall biex għelbu lil AtoZ Electronics Athleta 89-72 biex rebħu t-tazza Louis Borg għat-tielet darba fl-istorja tagħhom b’aggregate score ta’ 167-163. Sa’ nofs il-partita Athleta kienu tlett punti minn fuq 39-36 u vantaġġ ta’ 16 –il punt aggregate. Però Luxol kellhom ħsibijiet oħra għaliex wara l-intervall kienu dominanti speċjalment fid-difiża u ħallew lil Athleta fuq tmien punti biss u sa’ tmiem it-taqsima dawwru l-iżvantaġġ f’vantaġġ ta’ basket. Għal Luxol spikka għal darb’oħra Samuel Deguara b’35 punt u 30 rebound minkejja l-isforzi tal- Athleta speċjalment minn Michael Naudi u Chad Patus. Il-player Kanadiż tal-Athleta fetaħ tajjeb u għamel l-ewwel tmien punti tal-partita fosthom three pointer għal skor ta’ 8-2 wara l-ewwel żewġ minuti. Luxol wieġbu b’run ta’ 9-0 bi trippla ta’ Jean Paul Schembri u wara żewġ baskets minn Athleta kien hemm run oħra ta’ 10-2 minn Luxol bil-punti tal-Amerikan Micheal Myres Keitt u Samuel Deguara biex fetħu vantaġġ ta’ 7 punti 21-14. Athleta kellhom żewġ baskets minn Omar Said u David Bugeja bil-Luxol ikollhom tlett baskets oħra minn Deguara, Adrian Micallef u Marco Mercieca. Qabel intemmet is-sessjoni Athleta kellhom żewġ baskets minn Naudi u Steve Schembri għal skor sabiħ  ta’ 27-22. Kif ġara fl-ewwel partita, fit-tieni sessjoni r-ritmu naqas xi ftit bl- Athleta jagħmlu break ta’ 9-2 fl-ewwel ħames minuti bi trippla oħra ta’ Patus. Issa kienu Luxol li bdew isibu diffikulta biex jagħmlu l-baskets tant li kellhom jagħddu sitt minuti oħra qabel ma Deguara kellhu żewġ baskets flimkien ma’ Myres Keitt. Athleta għalqu s-sessjoni bil-punti ta’ Said u Schembri u daħlu jistrieħu 39-36 minn fuq.

Wara l-intervall, Luxol bdew mal-ewwel bi break ta’ 14-2 fl-ewwel ħames minuti fejn kellhom punti ta’ Deguara, Myres Keitt u Nikola Vasovic. Huma fetħu vantaġġ ta’ disa’ punti 50-41 u naqqsu d-distakk tal-aggregate għal erba’ punti. Huma komplew b’żewġ trippli ta’ Schembri u fis-seba’ minuta kienu 56-43 minn fuq bl-aggregate score jaqra 134-134. Athleta kellhom il-punti ta’ Patus però Luxol reġgħu wieġbu permezz ta’ Deguara u Vasovic u s-sessjoni ntemmet 62-47 favur Luxol. Fl-aħħar taqsima Deguara beda b’żewġ baskets. Wara basket ta’ Shawn Pace għall-Athleta, Deguara kompla għaddej bil-punti tiegħu però Athleta kellhom it-trippli minn Pace u Patus u naqqsu d-distakk għal 18 –il punt 73-55 però kienu għadhom sitta minn taħt bl-aggregate. Luxol baqgħu jikkontrollaw il-partita u għalkemm sofrew it-trippli ta’ Patus irrispondew bil-punti ta’ Vasovic u Myres Keitt flimkien ma’ Mercieca biex rebħu l-partita 89-72 u rebħu t-tazza. Fi tmiem il-partita il-President Emeritus tal-MBA is-Sur Louis Borg ippreżenta t-trofew lil captain Marco Mercieca fost il-ferħ tal-klan ta’ Luxol.

Bupa Luxol: C.J. Cordina,  M. Mercieca 11, A. Micallef 4, N. Andrejevic, J. Willoughby, J.P. Schembri 12, N. Vasovic 12, J.P. Bonnici, M. Myres Keitt 15, A.Micallef Trigona, S. Deguara 35, S. Capello.

AtoZ Electronics Athleta: M. Naudi 7, D. Bugeja 2, C. Patus 38, C. Galea, K. Baldacchino, O. Said 10, S. Pace 10, D. Ross, S. Bischoff, S. Schembri 5.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Clive Terribile

Ritratti: MBA Facebook page: https://www.facebook.com/media/set/?set=a.502865743152242.1073741916.113448038760683&type=1

 


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/bupa-luxol-jerbhu-t-tazza-wara-rimonta-stupenda/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.