Bupa Luxol jerbħu logħba mill-isbaħ

Tuesday, December 7, 2010, 10:20

minn Colin Schembri

KAMPJONAT L-EWWEL DIVIZJONI

Depiro Mtarfa 63
Siġġiewi Derby 68
(16-14)(13-21)(20-15)(20-18)

Siġġiewi Derby kisbu t-tieni rebħa tal-kampjonat u t-tielet waħda fuq Depiro dan l-istaġun. Il-partita setgħet marret fuq kull naħa u ġiet deċiża fl-aħħar ħinijiet. Siġġiewi għal darb’oħra kellhom numru limitat ta’ players fejn issa mal-lista ta’ players neqsin żdied ukoll Nigel Sultana li weġġa fl-aħħar partita. Depiro marru fuq quddiem bil-punti ta’ Isaac Tanti b’Siġġiewi jwieġbu bi trippla ta’ Peter Shoults. Siġġiewi għalqu s-sessjoni bil-punti ta’ Marco Matijevic u Jide Jetson. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin sakemm trippla ta’ Roderick Vella naqqset id-distakk għal punt 19-20. Pero’ hawn Siġġiewi għamlu break ta’ 13-2 inkluża t-tieni trippla ta’ Shoults biex fil-mistrieħ ic-champions kienu 12 minn fuq 35-23.

Depiro bdew reazzjoni wara l-mistrieħ b’żewġ trippli ta’ Andrew Aquilina għalkemm Matijevic flimkien ma Adrian Micallef wieġbu għal Siġġiewi. Depiro għamlu run ta’ 8-0 u naqqsu d-distakk għal 3 punti 39-42. Siġġiewi ħadu n-nifs b’basket ta’ Shoults u trippla ta’ Matijevic u fi tmiem is-sessjoni kienu għadhom 7 minn fuq 50-43. Depiro reġgħu resqu viċin fil-ftuħ tar-raba’ sessjoni u b’run ta’ 8-2 naqqsu d-distakk għall-punt 51-52. Punti minn Vella taw il-vantaġġ lil Depiro 53-52. Trippla ta’ Shoults ġiet imwieġba minn basket ta’ Sergio Yuste u Depiro kienu għadhom 3 minn fuq 59-56. Hawn waslet run deċisiva minn Siġġiewi ta’ 8-0 mibdija bir-raba’ trippla ta’ Shoults u minkejja l-punti ta’ Vella, Depiro ma rnexxielhomx jerġgħu jieħdu l-vantaġġ biex Siġġiewi ħarġu rebbieħa 68-63.

Depiro Mtarfa: R. Vella 19, J.P. Schembri, D. Bugeja 11, F. Agius, A. Aquilina 10, S. Yuste 7, J. Gatt 2, E. Lupo 6, M. Mallia 2, I. Tanti 6, G. Mercieca.
Siġġiewi Derby: P. Shoults 19, J. Doughty, E. Xuereb, A. Borg, A. Micallef 20, K. Borg, J. Jetson 9, M. Matijevic 20.

Referees: Bernard Vassallo, Alfred Carbonaro, Clive Terribile

Bupa Luxol 78
Tata Motors Loyola 71
(18-19)(22-20)(19-13)(19-19)

F’waħda mill-isbaħ partiti tal-istaġun, Bupa Luxol kisbu t-tieni rebħa tal-kampjonat kontra Tata Motors Loyola 78-71. Il-partita offriet 24 three pointer u fil-fatt bdiet mal-ewwel bi trippla ta’ Jean Paul Bonnici għall-Luxol u Billy Zammit u David Camilleri għall-Loyola. Luxol kienu għadhom 4 minn fuq fis-sitt minuta 12-8 pero’ hawn beda s-show ta’ Petar Apcev bl-ewwel żewġ three pointers mis-sebgħa li għamel. Pero’ Loyola ma ċedewx tant li rnexxielhom itemmu l-ewwel sessjoni 19-18 minn fuq. Apcev fetaħ it-tieni perjodu bi trippla oħra. Wara bdew ġejjin ukoll it-three pointers ta’ Robert Azzopardi li għamel total ta’ 6. Camilleri u Zammit komplew iwieġbu għall-Loyola u f’nofs is-sessjoni Luxol kienu basket minn fuq 29-27. Issa kien imiss lil Antoine Costa li jibda bi three pointers tiegħu f’run ta’ 11-2 minn Luxol li poġġiethom 9 minn fuq 40-31. Loyola reġgħu wieġbu b’run ta’ 9-0 f’temp ta’ minuta u nofs biex iż-żewġ timijiet daħlu għall-mistrieħ meritat fuq skor għoli ta 40-39 favur Luxol.

It-tielet perjodu fetaħ b’iktar trippli minn Apcev u Azzopardi għall-Luxol biex it-team imexxi minn John Tabone reġa’ fetaħ vantaġġ ta’ 10 punti 51-41. Luxol żammew dan il-vantaġġ qabel ma waslet trippla ta Zammit u free-throws ta l-istess player reġgħu naqqsu d-distakk għal 6 punti. Azzopardi bil-ħames trippla tiegħu għalaq it-tielet sessjoni bil-Luxol 7 minn fuq 59-52. Fl-ewwel tlett minuti Loyola naqqsu d-distakk għal 3 punti 58-61 b’iktar punti minn Zammit u Camilleri. Trippli t’Azzopardi u Costa taw ftit tan-nifs lil Luxol pero’ bejn is-seba’ u t-tmien minuta 6 punti oħra ta’ Camilleri poġġew lil Loyola punt minn fuq 71-70. Kien għad fadal żewġ minuti u dawn kienu f’idejn Luxol li bil-freethrows ta’ Bonnici u żewġ trippli oħra ta’ Apcev għalqu l-partita u ħarġu rebbieħa 78-71.

Bupa Luxol: CJ Cordina, M. Mercieca 4, R. Azzopardi 23, A. M. Trigona, P. Apcev 29, A. Costa 10, N. Vasovic 2, T. Paris, E.C. Montalto, J.P. Bonnici 10, S. Mizzi
Tata Motors Loyola: S. Pace 11, B. Zammit 14, D. Camilleri 24, S. Borg, M. Cilia, S. Vella 3, A. Axiaq 5, J. Mihailovic 7, J. Anastasi 3, J. Ransley , A. Tabone 4.

Referees: Gordon Barbara, Alfred Carbonaro, Emanuel Mangani

Klassifika Kampjonat Irgiel
Team Logħob Rebħ Telf Punti
A to Z Electronics Athleta 3 3 0 6
Bupa Luxol 4 2 2 6
Siggiewi Derby 3 2 1 5
Depiro Mtarfa 3 1 3 4
Tata Motors Loyola 3 0 3 3




Leave a comment