- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Bupa Luxol jegħlbu lil Starlites u jiksbu post fil-finali

Posted By sportinmalta1 On November 13, 2017 @ 4:49 pm In Basketball,Featured | No Comments

St. James Hospital Shield Irġiel

minn Colin Schembri

Starlites GIG 67

Bupa Luxol 71

(14-13)(10-15)(15-21)(28-22)

Starlites ħallew għat-tard biex jippruvaw iwettqu rimonta kontra Bupa Luxol li però ma rnexxietx u c-champions aċċertaw posthom fit-tieni finali dan l-istaġun u issa jiltaqgħu mill-ġdid kontra Hibernians. Fl-aktar mument kruċjali tal-partita, il-coach Serb ta’ Starlites ħalla players t’esperjenza fuq il-bank u ż-zagħżagħ li lagħbu dehru mbeżża. Luxol minkejja li għal darb’ohra kellhom nuqqas ta’ players għarfu jieħdu vantaġġ u jżommuh minkejja l-pressjoni ta’ Starlites speċjalment lejn it-tmiem. Wirja mill-aqwa għaż-żagħżugħ Keith Dimech li ma’ kull logħba qiegħed iżid il-prestazzjonijet tiegħu flimkien ma’ William Ahlberg li bħas-soltu jmexxi r-ritmu tal-logħba. L-Amerikan Kyle Meyer kellhu partita kwieta għalkemm wara l-intervall kiseb punti mportanti fil-waqt li l-Amerikan ta’ Starlites Mitchell Brewe spiċċa l-partita b’total ta’ 41 punt. Luxol marru 6-0 minn fuq hekk kif Ahlberg fetaħ bi trippla u komplew Dimech u Nicola Vasovic. Starlites bdew jirrispondu bil-punti ta’ Brewe flimkien ma’ Robert Bonnici fejn kienu dawn iż-żewġ players li għamlu punti għal Starlites fl-ewwel zewg sessjonijiet. Brewe kellhu trippla biex Starlites temmew l-ewwel sessjoni 14-13 minn fuq. Starlites żammew il-vantaġġ fil-bidu tat-tieni taqsima 20-16. Hawn però, Luxol kellhom mument tajjeb fejn għamlu run sabiħa ta’ 12-0 bi trippli minn Ahlberg u Jean Paul Schembri flimkien ma’ Meyer u marru 8 minn fuq 28-20. Starlites irnexxielhom jirrispondu b’erba’ punti ta’ Brewe biex fl-intervall kienu Luxol fuq quddiem 28-24.

Fil-ftuħ tat-tielet taqsima Luxol reġgħu fetħu tajjeb u għaqqdu run ta’ 10-1 b’Meyer jidhol aktar fix-xena. Alec Felice Pace wieġeb għal Starlites iżda punti minn Stefan Cappello u Dimech, raw lil Luxol jiftħu vantaġġ ta’ 14 –il punt 43-29. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin biex id-distakk ma nbidilx sakemm trippla ta’ Bonnici eżatt qabel intemmet is-sessjoni rat lil Starlites inaqqsu d-distakk għal 10 punti 39-49. Il-partita sbieħet ferm fir-raba’ taqsima biż-żewġ timijiet jaqsmu 50 punt bejniethom. Bdew Starlites bi trippla ta’ Ryan Carabott u basket ta’ Brewe biex naqqsu l-iżvantaġġ bin-nofs. Ic-champions ġew lura bi break ta’ 11-2 bi trippla ta’ Dimech u punti ta’ Cappello. Hawn wasal l-aqwa mument għal Starlites meta kellhom run ta’ 15-2 fosthom tlett three pointers minn Shawn Pace, Brewe u Felice Pace biex waslu sa’ basket ‘l bogħod 62-64. Reġa’ kien Cappello li għamel tlett punti mportanti għal Luxol u minkejja trippla oħra minn Brewe, ma kienx għad fadal ħin bic-champions jagħlqu l-partita b’żewġ freethrows ta’ Vasovic u joħorġu rebbieħa 71-67.

Starlites GIG: S. Pace 3, R. Bonnici 13, A. Schembri, S. Borg, M. Falzon, A. Felice Pace 5, R. Carabott 3, O. Psaila, N. Andrejevic 2, J. Wait, M. Brewe 41.

 

Bupa Luxol: M. Sjoberg, N. Vasovic 7, JP Schembri 10, K. Dimech 15, W. Ahlberg 15, A. Micallef Trigona, K. Meyer 15, S. Cappello 9.

Referees: Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic, Tuomas Mantere.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/bupa-luxol-jeghlbu-lil-starlites-u-jiksbu-post-fil-finali/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.