Bupa Luxol jegħlbu lil Floriana f’partita mil-isbaħ

Wednesday, November 14, 2012, 9:32

minn Colin Schembri

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL

 

 

A to Z Electronics Athleta 95

Tata Motors Loyola 49

(20-7)(24-10)(24-11)(27-21)

 

Siġġiewi vs Depiro (ħajr MBA)

Siġġiewi vs Depiro (ħajr MBA)

Iċ-champions A to Z Electronics Athleta bdew jiddefendu t-titlu li rebħu f’dawn l-aħħar sentejn b’rebħa faċli fuq Tata Motors Loyola 95-49. Huma kienu dominanti fuq l-avversarji sa minn kmieni fil-partita bis-Serb Marko Todorovic jagħmel xalata taħt il-basket avversarju. Il-players kollha ta’ Athleta niżżlu isimhom fost l-iskorers inkluż żgħażagħ bħal Miguel Gauci Montaldo, Zak Borg u Michael Giusti li kellhom ħin fuq il-court mil-coachJoe Galea. Għal Loyola il-player Amerikan Kenyale Evans kellhu debutt kwiet l-istess bħal Ivan Buldakov li huma ħadu m’għand l-istess Athleta. Il-partita fetħet bi trippla ta’ Jean Paul Azzopardi pero Athleta wieġbu b’run ta’ 12-0 bi 8 punti minn Todorovic. Azzopardi u Evans wieġbu għal Loyola pero c-champions għamlu 8 punti oħra biex temmew is-sessjoni 20-7 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu huma komplew ikabbru l-vantaġġ bi trippla minn Kristin Baldacchino u iktar baskets ta’ Todorovic u minkejja li Anton Axiaq għamel il-punti, f’nofs is-sessjoni Athleta kellhom vantaġġ ta’ 19-il punt 30-11. Run oħra ta’ 9-1 kompliet tkabbar id-distakk bejn iż-żewġ timijiet tant li fl-intervall Athleta daħlu jistrieħu 27 punt minn fuq 44-17.

Il-ftuħ tat-tielet sessjoni kien xi ftit aktar bilanċjat biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin. B’Todorovic fuq  il-bank, għall-Athleta bdew ġejjin il-punti ta’ Omar Said li għamel 11 –il punt konsekuttiv fosthom trippla b’Azzopardi jikseb il-punti tal-Loyola. Wara basket minn Addison Bonnici waslu wkoll l-ewwel punti taż-żagħżugħ Zak Borg għal skor ta’ 68-28. Fl-aħħar sessjoni kien hemm trippla ta’ Billy Zammit għal Loyola qabel ma Athleta għamlu run oħra ta’ 10-2 u żiedu d-distakk 80-35. Loyola wieġbu b’żewġ baskets ta’ Evans pero’ immedjata kienet ir-risposta tal-Athleta minn Shawn Pace fl-ewwel dehra tiegħu kontra l-ex team tiegħu u Steve Schembri. Fl-aħħar ħinijiet waslu wkoll il-punti ta’ Mike Giusti u Miguel Gauchi Montaldo għac-champions biex rebħu l-partita 95-49.

           

A to Z Electronics Athleta: M. Gauchi Montaldo 2, D. Bugeja 6, M. Todorovic 29,  M. Giusti 3, Z. Borg 6,  O. Said 19, S. Pace 5, A. Bonnici 6, K. Baldacchino 5, S. Schembri 14.

Tata Motors Loyola: I. Buldakov, B. Zammit 6, A.Timor Sarrio 7, C. Cassar 2, S. Borg, L. Azzopardi, S. Vella, A. Axiaq 7, JP Azzopardi 11, V. Nikolic, J. Ransley, K. Evans 16.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Steve Gouder

 

Bupa Luxol 95
Floriana Francesco Fenech 89

(20-29)(26-25)(21-21)(20-12)(8-2)

 

F’partita verament sabiħa Bupa Luxol għelbu lil Floriana Francesco Fenech 95-89. Partita li offriet 184 punt u li kellha tiġi deċiża fil-ħin barrani wara li Marco Mercieca għamel żewġ freethrows fl-aħħar sekondi għal skor ta’ 87-87.Luxol kellhom lil Jean Paul Schembri jagħmel id-debutt tiegħu pero’ reġa kien nieqes Andrew Micallef Trigona. Floriana kienu mingħajr Clayton Calleja pero’ rritorna Dirk Schembri. Floriana kellhom bidu tajjeb u punti minn Chris Sammut u Phillip Thomas rawhom jiftħu vantaġġ ta’ 9 punti 11-2. Luxol wieġbu b’punti minn Stephen Shackleford u trippla ta’ Nikola Vasovic pero’ Thomas kompla jagħmel il-punti għal Floriana flimkien ma’ trippla ta’ Ian Mercieca biex temmew l-ewwel sessjoni 29-20 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Luxol bdew jirkupraw u trippla oħra ta’ Vasovic u basket ta’ Jean Paul Bonnici naqqsulhom id-distakk għal 4 punti 29-33. Wara baskets ta’ Sammut u Schembri għal Floriana kien Shackelford li għamel 6 punti konsekuttivi. Sammut bi trippla u Thomas reġgħu taw vantaġġ ta’ 7 punti lil Floriana u wara t-tielet three pointer minn Vasovic, kien hemm it-trippli ta’ David Camilleri u fl-intervall Floriana kienu 54-46 minn fuq.

Wara li fl-ewwel żewġ sessjonijiet kienu diġa saru 100 punt, il-partita kompliet bl-istess ritmu anke matul it-tielet waħda. Floriana reġgħu kabbru l-vantaġġ għal 11 –il punt 59-48 u għalkemm Luxol wieġbu permezz ta’ Shacleford, Mercieca u CJ Cordina, kien Bevan Scott Camilleri li poġġa lil Floriana 12 minn fuq 66-54. Luxol komplew jissieltu permezz ta’ Cordina u Shacleford biex sa tmiem il-perjodu naqqsu d-distakk għal 8 punti 67-75. Fl-aħħar sessjoni ż-żewġ timijiet komplew jissieltu u bil-Furjaniżi jibqgħu 7 minn fuq 87-80. Pero’ l-aħħar sforz tal-Luxol minn Mercieca u Shackleford rahom jippareġjaw il-partita 87-87. Il-partita kellha tmur għal ħin barrani li fetaħ b’punti ta’ Shackleford li pero’ spiċċa fouled out. Wara li Thomas reġa’ ppareġja, Vasovic u Mercieca għamlu l-kumplament tal-punti biex Luxol rebħu l-partita 98-89.

 

Bupa Luxol: C.J. Cordina 7, M. Mercieca 14, J. Willoughby, N. Andrejevic, S. Shackleford 42, JP Schembri 2, N. Vasovic 25, T. Paris, E. Bonello, E. C. Montalto, J.P. Bonnici 5, S. Capello

Floriana Francesco Fenech: B. Scott Camilleri 13, D. Camilleri 6, C. Sammut 16, I. Mercieca 3, S. Sammut, D. Schembri 26, P. Thomas 25, M. Ciantar, S. Saakian.

Referees: Emanuel Mangani, Clive Terribile, Alfred Carbonaro

 

Pavi Depiro 57
Siġġiewi 67

(8-18)(19-20)(14-12)(16-17)

 

Fil-partita li għalqet l-ewwel ġurnata tal-kampjonat Bank of Valletta Siġġiewi għelbu lil Pavi Depiro 67-57. Depiro kienu mingħajr Adrian Micallef fil-waqt li Siġġiewi kellhom nieqes lil Clayton Agius. Qabel il-partita saret il-preżentazzjoni tal-unuri tal-players tas-sena fejn il-player ta’ Depiro Roderick Vella rebaħ l-unur tal-ewwel diviżjoni tal-irġiel. Basket ta’ Shawn Morgan fetaħ il-partita bis-Siġġiewi jwieġbu bi break ta’ 7-0 fosthom trippla ta’ Peter Shoults. Depiro għamlu żewġ punti qabel ma Siġġiewi għamlu break ieħor ta’ 11-2 bi trippla ta’ Alan Borg għal skor ta’ 18-8. Fil-bidu tat-tieni sessjoni kien hemm basket u trippla minn Chris Meier pero’ Depiro rrispondew bil-punti ta’ Morgan, Vella uDavid Agius. Wara li kien hemm punti fuq kull naħa, Siġġiewi għamlu break qasir ta’ 6-0. Depiro reġgħu wieġbu bi break ieħor ta’ 9-2 biex naqqsu d-distakk għal 8 punti pero fl-aħħar attakk Siġġiewi għamlu trippla minn Lee Ross u daħlu jistrieħu 38-27 minn fuq.

Wara l-intervall Depiro ppruvaw jagħmlu reazzjoni u bdew b’basket ta’ Nigel Sultana u trippla ta’ Andrew Aquilina. Siġġiewi wieġbu bil-punti ta’ Marco Matijevic u Meier għalkemm Morgan kompla jirrispondi għal Depiro. L-aktar li Depiro rnexxielhom jersqu viċin kien 5 punti f’din is-sessjoni 41-46 għaliex qabel intemm il-perjodu Andras Fekete u Borg għamlu ħames punti għal Siġġiewi għal skor ta’ 50-41. Depiro fetħu l-aħħar perjodu eżatt kif bdew it-tielet wieħed b’basket u truppla biex waslu sa 4 punti ‘l bogħod 46-50. Siġġiewi wieġbu bi break ta’ 8-2 biex reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 10 punti u minkejja basket ta’ Isaac Tanti u trippla ta’ Vella, Siġġiewi kkontrollaw l-aħħar minuti u għalqu l-partita bi trippla ta’ Matijevic u rebħu l-partita 67-57.

 

Pavi Depiro: R. Vella 15, N. Sultana 5, K. Kun, A. Aquilina 3, A. Portelli 2, D. Agius 8, E. Lupo, M. Mallia, I. Tanti 2, S. Morgan 22.

Siġġiewi: R. Agius, L. Ross 5, L. Camilleri 2, P. Shoults 5, E. Xuereb 2, A. Borg 7, C. Meier 22, A. Fekete 4, M. Matijevic 20.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Alfred Carbonaro

 





Leave a comment