- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Bupa Luxol isaħħu r-raba’ post għall-play-offs

Posted By sportinmalta1 On February 29, 2016 @ 6:47 pm In Basketball,Featured | No Comments

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA – IRĠIEL

minn Colin Schembri

Bupa Luxol 94

Hibernians 75

(19-16)(27-20)(22-15)(26-24)

Bupa Luxol għamlu pass importanti lejn il-play-offs meta għat-tieni darba dan l-istaġun għelbu lil Hibernians biex issa fetħu vantaġġ ta’ żewġ rebħiet fuq l-istess Hibs u Depiro. Colt Fason  u CJ Cordina qasmu bejniethom 59 punt fil-waqt li Jean Paul Bonnici kompla għaddej mill-forma tajba tat-three pointers fejn reġa’ għamel sitta oħra. Għal Hibs spikkaw Kieron Caruana u Marco Matijevic fil-waqt li Ryan Carabott kellhu partita kwieta. Fil-bidu tal-partita kien hemm trippli fuq kull naħa minn Fason u Cordina għal Luxol u Fabrizio Mariani u Simon Attard għal Hibs. Għal erba’ darbiet iż-żewġ timijiet kienu f’partita sakemm Luxol għalqu t-taqsima bi break qasir ta’ 7-4 biex temmewha 19-16 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni, Luxol kellhom aktar three pointers minn Fason u Binnici biex kabbru l-vantaġġ għal 8 punti. Hibs wieġbu permezz ta’ Marco Matijevic u trippla ta’ Caruana biex ġabu l-iskor indaqs 32-32. Luxol reġgħu ħadu l-vantaġġ bi break ta’ 14-4 b’punti ta’ Marco Mercieca u trippli ta’ Cordina u Bonnici biex daħlu jistrieħu 46-36 minn fuq.

Fit-tielet taqsima ż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin biex Luxol baqgħu jamministraw il-vantaġġ li kellhom. Sa’ nofs is-sessjoni, d-distakk baqa’ ta’ 10 punti 57-47 wara trippli minn Fason u Attard. Luxol reġgħu għalqu tajjeb hekk kif għamlu break ta’ 11-3 għal skor ta’ 68-51. Hibs fetħu l-aħħar taqsima b’ħames punti konsekuttivi minn Matijevic u Caruana però Luxol ma damux ma rrispondew bil-punti ta’ Mercieca li kellhu wkoll trippla. Matijevic u Caruan reġgħu wieġbu għal Hibs biex naqqsu d-distakk għal 11 –il punt 65-76. Luxol kellhom seba’ punti oħra mingħajr risposta u komplew b’aktar trippli minn Bonnici u Mercieca flimkien mal-punti ta’ Fason biex rebħu l-partita 94-75.

Bupa Luxol: CJ Cordina 20, C. Fason 39, J. Willoughby 2, S. Visser, K. Dimech, J.P. Schembri 2,  J. Maistre Mellilo, M. Mercieca 13, JP Bonnici 18.

Hibs: P. Attard, M. Houmpton, R. Cortis, L. Farrugia 2, S. Attard 7, I. Bonett 4, K. Caruana 27, R. Carabott 3, K. Sultana, S. Vella 2, F. Mariani 10, M. Matijevic 20.

Referees:  Bernard Vassallo, Alfred Carbonaro, Christine Farrugia

Pavi Depiro 56

Floriana Cafè Del Mar 80

(3-21)(22-23)(17-14)(14-22)

Floriana Cafè Del Mar kisbu s-seba’ rebħa tagħhom fil-kampjonat meta għelbu għar-raba’ darba dan l-istaġun lil Pavi Depiro 80-56. B’hekk huma baqgħu jisfidaw lil Virtus għal-ewwel post tal-klassifika u kif sejrin l-affarijiet jidher li se jkun l-aħħar konfront ta’ bejniethom li jiddeċiedi dan. Depiro riedu rebħa minn din il-partita biex jibqgħu viċin ta’ Luxol li rebħu ġurnata qabel iżda Floriana kellhom bidu qawwi u qatt ma tawhom ċans li jieħdu r-rebħa. It-team Furjaniż kien diġa 13-1 minn fuq wara punti minn Chad Patus, Nigel Sultana u Lee Ross li kellhu wkoll trippla. Depiro waqqfuhom b’basket ta’ Timothy Zammit iżda Floriana komplew bi tmien punti oħra minn Anton Axiaq u Patus biex temmew is-sessjoni 21-3 minn fuq. Floriana komplew bl-istess ritmu fil-ftuħ tat-tieni sessjoni bi break ieħor ta’ 12-1 b’aktar punti minn Axiaq fost l-oħrajn għal skor ta’ 33-4. Depiro finalment bdew jirrispondu bil-punti tal-Amerikan Michael Nwelue flimkien ma’ Malcolm Mallia u Kurt Xuereb. Patus reġa’ wieġeb għal Floriana biex fl-intervall huma kienu 44-25 minn fuq.

Fit-tielet taqsima Depiro kellhom l-aħjar mument tagħhom fil-partita meta għamlu run ta’ 10-2 minn Nwelue u Zammit biex naqqsu d-distakk 35-52. Patus malajr wieġeb għal Floriana b’żewġ trippli konsekuttivi qabel ma Depiro kellhom seba’ punti oħra minn Nwelue u Xuereb għal skor ta’ 58-42. Fl-aħħar taqsima Floriana kellhom żewġ runs ta’ 9-3 u 9-4 biex inqatgħu kompletament mill-avversarji u għalqu l-partita b’baskets minn Sultana u Sean Borg biex rebħu l-partita 80-56.

Pavi Depiro: J. Attard, M. Agius, A. Aquilina 4, N. Grech 4, T. Zammit 10,  M. Mallia 4, V. Vlachos 4, K. Xuereb 8, M. Borg, M. Nwelue 22.

Floriana Cafè Del Mar: C. Patus 29, L. Ross 8, N. Sultana 14, S. Borg 6, A. Portelli 5, N. Vasovic 2, C. Calleja 6, A. Axiaq 10, N. Andrejevic.

Referees: Gordon Barbara, Alfred Carbonaro, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Gżira Athleta 75

Falken Cynergi Virtus 81

(9-22)(17-24)(20-16)(29-19)

Ic-champions Falken Cynergi Virtus baqgħu bla telfa fil-kampjonat meta għelbu lir-rivali Gżira Athleta 81-75. Huma dehru resqin lejn rebħa faċli meta sa’ tlett minuti mit-tmiem kienu 15 –il punt minn fuq iżda Athleta wettqu rimonta biex il-partita baqgħet inċerta sat-tmiem. Athleta kellhom nieqes lil Daan Wiersuum fil-waqt li Virtus kienu mingħajr Thomas Grech. Wara bidu bilanċjat bi trippla fuq kull naħa minn Shawn Pace u Michael Naudi, Virtus kellhom run ta’ 15-2 bi trippla ta’ Jacob Formosa u punti ta’ Chris Santo, David Bugeja u Robert Bonnici għal skor ta’ 22-9. Il-punti tal-Athleta ġew kollha minn Naudi u l-istess player kompla bil-punti fil-ftuħ tat-tieni sessjoni. Virtus però wkoll komplew iżidu l-punteġġ tagħhom meta kellhom it-three pointers minn David Camilleri u Pace biex daħlu jistrieħu 20 punt minn fuq 46-26.

Wara l-intervall ic-champions komplew iżidu l-vantaġġ meta bdew bi trippla ta’ Bugeja u baskets ta’ Santo. Athleta rrispondew b’seba’ punti konsekuttivi però Virtus xorta żammew il-vantaġġ ta’ 20 punt hekk kif kellhom trippla ta’ Robert Bonnici. Athleta kellhom il-punti ta’ Nicolai Lubrano u Lee Fisher però Virtus temmew is-sessjoni 62-46 minn fuq. Fl-aħħar taqsima Athleta bdew jersqu viċin u kellhom it-trippli minn Roderick Vella u Billy Zammit li tkeċċa ftit tal-ħin wara. Punti ta’ Peter Shoults u Santo raw lil Virtus jiftħu vantaġġ ta’ 15 –il punt 75-60. Hawn iżda Athleta għamlu run ta’ 11-0 bi trippla ta’ Vella u punti konsekuttivi ta’ Naudi u waslu sa’ erba’ punti ‘l bogħod 71-75. Basket ta’ Santo fuq assist stupend ta’ Shoults, ta n-nifs lil Virtus u minkejja li Athleta reġgħu resqu viċin bil-punti ta’ Naudi u Lubrano, ic-champions kellhom il-free-throws minn Pace Shoults biex rebħu l-partita 81-75.

 

Gżira Athleta: M. Naudi 30, R. Vella 8, F. Mifsud Bonnici,  L. Stefanovic, I. Buldakov, B. Zammit 3, A. Micallef 4, N. Lubrano 10, S. Vincic, M. Gauchi Montaldo, L. Fisher 20.

Falken Cynergi Virtus: S. Pace 12, D. Bugeja 16, R. Bonnici 5, D. Camilleri 9, S. Bonnici, J. Formosa 11, A. Felice Pace, C. Santo 23, L. Sobers, F. Bartolo, P. Shoults 5.

Referees: Bernard Vassallo, Alfred Carbonaro, Gordon Barbara.

 

Klassifika Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Falken Cynergi Virtus

8

8

0

16

670

540

Floriana Cafe Del Mar

8

7

1

15

616

519

Gżira Athleta

8

4

4

12

613

551

Bupa Luxol

8

3

5

11

614

645

Hibs

8

1

7

9

523

651

Pavi Depiro

8

1

7

9

461

591


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/bupa-luxol-isahhu-r-raba-post-ghall-play-offs/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.