Bupa Luxol b’rebħa kbira fid-900 logħba ta’ John Tabone

Monday, January 12, 2015, 19:32

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL

minn Colin Schembri

Bupa Luxol 101

Pavi Depiro 75

(34-18)(18-16)(26-21)(23-20)

Fil-partita li mmarkat id-disa’ mitt logħba ta’ John Tabone bħala coach ta’ Luxol, Bupa Luxol kisbu t-tieni rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Pavi Depiro 101-75. Luxol kellhom id-debutt tal-Amerikan Thomas Staton li spiċċa l-partita b’total ta’ 44 punt u kellhom ukoll lil CJ Cordina b’wirja tajba b’31 punt. Depiro bdew fuq sieq ħażina hekk kif fl-ewwel sessjoni kkomettew 10 turnovers li minnhom sofrew 17 –il punt. Il-partita fetħet bil-punti ta’ Cordina għal Luxol u Marco Todorovic għal Depiro. Luxol komplew bi break ta’ 13-2 fejn waslu l-ewwel punti f’pajjiżna ta’ Staton u trippla ta’ Jean Paul Schembri. Depiro naqqsu d-distakk għal 4 punti wara punti minn Todorovic, Darryl Schembri u trippla ta’ Samuel Zammit. Trippla ta’ Cordina rat lil Luxol jiftħu run oħra ta’ 14-2 b’aktar punti minn Staton u Andrew Micallef Trigona għal skor ta’ 34-18. It-tieni sessjoni kienet aktar bilanċjata fejn wara li Luxol żiedu l-vantaġġ wara trippla oħra ta’ Cordina, Depiro wieġbu b’baskets ta’ Todorovic u Sassoun Saakian flimkien ma’ trippla ta’ Kurt Xuereb. Qabel l-intervall, Luxol kellhom il-punti ta’ Staton u Cordina biex daħlu jistrieħu 52-34 minn fuq.

Fit-tielet taqsima reġgħu kienu Staton u Cordina li għamlu l-punti ta’ Luxol b’Saakian u Todorovic jirrispondu għal Depiro biex Luxol baqgħu 16 minn fuq 57-41. Luxol kellhom tmien punti oħra mingħajr risposta qabel ma Todorovic reġa’ rrisponda għal Depiro. Wara li Staton kellhu 5 punti oħra, Depiro għamlu run ta’ 9-2 però Luxol kienu għadhom 78-55 minn fuq wara żewġ baskets ta’ Jamie Willoughby. Fl-aħħar sessjoni kien hemm it-three pointers fuq kull naħa iżda Luxol dejjem baqgħu fil-kontroll. Huma qabżu l-mitt punt b’basket ta’ Staton biex finalment ħarġu rebbieħa 101-75.

Bupa Luxol: CJ Cordina 31, A. Portelli 2, J. Willoughby 1, JP Schembri 10, N. Andrejevic, S. Visser, T, Staton 44, A. Micallef Trigona 6, JP Bonnici, S. Capello 4.

Pavi Depiro: J. Attard, D. Farrugia, D. Schembri 4, R. Rizzo 2, T. Zammit 12, M. Todorovic 37, R. Zammit, K. Xuereb 5, M. Borg, S. Saakian 15.

Referees: Emanuel Mangani, Clive Terribile, Cesar Baena.

Remax Citadel Siġġiewi 58

AtoZ Electronics Athleta 63        

(14-6)(16-18)(10-17)(18-22)

Ic-champions AtoZ Electronics Athleta kisbu t-tieni rebħa kontra Remax Citadel Siġġiewi għalkemm kellhom jistennew sal-aħħar taqsima biex setgħu jiftħu vantaġġ komdu hekk kif Siġġiewi kellhom prestazzjoni posittiva. Siġġiewi kellhom lill-Amerikan Rashanti Harris jagħmel id-debutt tiegħu fil-waqt li Athleta rkupraw lil Chad Patus li tilef l-aħħar partita tagħhom. Siġġiewi bdew tajjeb bit-three pointer ta’ Steve Sammut u l-ewwel punti ta’ Harris. Athleta wieġbu bi trippla ta’ Omar Said però Sammut kellhu aktar punti għal Siġġiewi. Billy Zammit għamel żewġ trippli għal Siġġiewi b’Said iwieġeb bi three pointer ieħor għall-Athleta bejniethom u Siġġiewi kienu 14-6 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu kien hemm aktar trippli fuq iż-żewġ naħat minn Sammut, Said, Patus u Ryan Carabott. Siġġiewi marru 10 minn fuq fis-seba’ minuta 28-18 bl-Athleta jwieġbu bil-punti ta’ Patus, Isaac Tanti u Michael Naudi biex fl-intervall Siġġiewi kienu 6 minn fuq 30-24.

Siġġiewi żammew il-vantaġġ sa’ nofs it-tielet taqsima meta kellhom il-punti ta’ Harris. Hawn Athleta kellhom run ta’ 10-0 b’żewġ trippli oħra ta’ Said flimkien ma’ Patus u Naudi. Siġġiewi reġgħu ħadu l-vantaġġ wara punti minn Marco Matijevic u Adrian Micalled però qabel intemmet it-taqsima Patus poġġa lil Athleta punt minn fuq 41-40. Fl-aħħar taqsima, Athleta fetħu tajjeb u kellhom trippla minn Andrew Aquilina u żewġ baskets ta’ Naudi. Siġġiewi wieġbu bi trippla ta’ Micallef però c-champions kellhom run oħra ta’ 8-0 bil-ħames trippla ta’ Said u baskets minn Naudi u Tanti. L-aħħar sforz ta’ Siġġiewi ssarraf fi break ta’ 12-4 bi three pointers ta’ Carabott u Zammit però l-ħin kien kontra tagħhom u Athleta rebħu l-partita 63-58.

Remax Citadel Siġġiewi: B. Zammit 9, JP Antoncic, S. Sammut 12, M. Casar, M. Matijevic 8, R. Carabott 10, A. Micallef 5, B. Bartolo, R. Harris 14, M. Mallia, L. Grima.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 13, R. Vella 2, C. Patus 19, A. Aquilina 3, M. G. Montaldo, O. Said 18, M. Gouder, I. Tanti 8.

Referees: Emanuel Mangani, Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Cynergi Virtus 80

Floriana Cafè Del Mar 73

(15-16)(28-15)(19-18)(18-24)

Cynergi Virtus kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat kontra Floriana Cafè Del Mar b’dawn tal-aħħar isofru t-tieni telfa konsekuttiva. Iż-żewġ timijiet setgħu finalment jippreżentaw il-players barranin tagħhom fejn għal Virtus kien hemm id-debutt ta’ Mike Bruesewitz fil-waqt li Floriana kellhom lil Mark Henniger. Floriana kienu mingħajr Dirk Schembri u Sean Borg u n-nuqqas tagħhom inħass però rritorna David Camilleri li lagħab l-ewwel parti tal-istaġun ma’ Hibs fit-tieni diviżjoni. Il-partita kellha ftuħ bilanċjat tant li sar-raba’ minuta kien hemm parita ta’ 7-7. Virtus marru fuq quddiem wara punti ta’ David Bugeja u Peter Shoults però Floriana kellhom il-punti ta’ Nikola Vasovic, Henniger u Lee Ross biex temmew il-perjodu 16-15 minn fuq. L-andament tal-partita baqa’ l-istess matul l-ewwel minuti tat-tieni taqsima fej Henniger kellhu diversi punti għal Floriana fil-waqt li bdew ġejjin ukoll il-punti ta’ Bruesewitz flimkien ma’ trppla ta’ Shoults għal Virtus. Bruesewitz beda wkoll jiddomina taħt il-boards fejn niżżel ir-rebounds kollha ta’ Virtus f’din is-sessjoni. Virtus kellhom mument posittiv bi break ta’ 10-0 b’seba’ punti ta’ Bruesewitz  u trippla ta’ Shawn Pace. Floriana sabu diffikulta biex jirrispondu u Virtus komplew bi tlett baskets oħra minn Bruesewitz u Robert Bonnici u daħlu jistrieħu 12 minn fuq 43-31.

Wara l-intervall ir-reazzjoni ta’ Floriana ma waslitx anzi kienu Virtus li għamlu run oħra ta’ 11-0 fosthom trippla ta’ Bonnici biex fetħu vantaġġ ta’ 22 punt 56-34. Floriana finalment wieġbu minn David Agius u trippla ta’ Nigel Sultana u lejn tmiem it-taqsima għamlu ħames punti oħra biex l-aħħar taqsima bdiet bil-Virtus fuq quddiem 62-49. Hawn Floriana tħabtu biex inaqqsu d-distakk bil-punti konsekuttivi ta’ Henniger. Bruesewitz, Anton Axiaq u Shoults wieġbu għal Virtus qabel ma Floriana kellhom break ieħor ta’ 7-0 biex naqqsu d-distakk għal disa’ punti 64-73. Axiaq u Bruesewitz kellhom ħames punti oħra għal Virtus. Vasovic u Henniger għamlu l-aħħar punti ta’ Floriana però ma kienux biżżejjed għalijhom biex isalvaw il-partita u Virtus ħarġu rebbieħa 80-73.

 

Cynergi Virtus: S. Pace 5, D. Bugeja 11, R. Bonnici 7, T. Grech, A. Schembri, M. Bruesewitz 32, A. Felice Pace, A. Axiaq 12, I. Buldakov, G. Coleiro, P. Shoults 13, F. Bartolo.

Floriana Cafe Del Mar: M. Henniger 34, D. Camilleri 3, N. Sultana 3, L. Ross 10, N. Vasovic 9, C. Calleja 11, D. Schembri, S. Detemmermann, O. Shamala, D. Agius 3.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Clive Terribile.

Ritratti: MBA Facebook Page.

 





Leave a comment