- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Bupa Luxol bl-ewwel suċċess tal-istaġun

Posted By sportinmalta1 On October 16, 2017 @ 5:59 pm In Basketball,Featured | No Comments

St. James Hospital Super Cup Irġiel- FINALI

Bupa Luxol 69

Hibernians 58

(14-6)(17-12)(28-21)(10-19)

F’padiljun tal-basketball mibdul kompletament minn dak li ħallejna f’Mejju li għadda, saru l-finali tas-St. James Hospital Super Cups. Fil-finali tal-irġiel, ic-champions renjanti Bupa Luxol iltaqgħu kontra r-rebbieħa tan-Knock out tal-istaġun li għadda Hibernians. Iż-żewġ timijiet kellhom xi tibdil fl-iskwadra tagħhom. Luxol kellhom lill-Amerikan Kyle Meyer, mill-Universita ta’ Houston jagħmel id-debutt tiegħu fejn bit-tul u s-saħħa tiegħu se jipprova jimla l-vojt li ħalla Samuel Deguara. Luxol akkwistaw ukoll lil Nicola Vasovic u lil Dirk Schembri li t-tnejn kienu libsu l-flokk vjola fi staġuni passati. Jistenna biex jirreġistra mal-ftuħ tal-perjodu tar-reġistrazzjoni hemm ukoll Nigel Sultana biex b’hekk ic-Champions, dejjem immexxija minn John Tabone, se jerġghu joffru sfida qawwija lil kulhadd. Il-Pawlisti minn naħa l-oħra wkoll kellhom tibdil konsiderevoli mill-istaġun li għadda. Huma rreġistraw magħhom lil Kanadiz Chad Patus, issa fil-ħames staġun tiegħu f’Malta. Flimkien miegħu Hibs ħadu wkoll lil Roderick Vella u Anton Axiaq taħt it-tmexxija tal-coach Mario Tabone li rritorna Raħal Ġdid wara diversi suċċessi mat-team femminili fil-passat. Il-partita bdiet b’ritmu baxx biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin fuq skor baxx ta’ 6-6 fl-ewwel tmien minuti. Luxol imbagħad kellhom 8 punti mingħajr risposta fosthom l-ewwel baskets ta’ Meyer biex temmew il-perjodu 8 minn fuq 14-6.  Fil-ftuħ tat-tieni taqsima ż-żewġ timijiet irrisipondew lil xulxin bi three pointers biex il-vantaġġ ta’ Luxol baqa’ ta’ seba’ punti 19-12. Ic-champions imbagħad ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 12-1 fosthom tlett trippli ta’ Vasovic u ohra minn William Alhberg b’dan tal-aħħar ikollhu partita mill-aqwa. Ir-reazzjoni ta’ Hibs sarrfet biss f’ħames punti minn Patus u Axiaq biex fl-intervall Luxol kienu 31-18 minn fuq.

Wara l-mistrieħ, kienu Hibs li bdew tajjeb meta kellhom il-punti

Ritratt: Wally Galea

ta’ Vella u Patus biex naqqsu d-distakk għal 10 punti 38-28. Hawn wasal mument ieħor mill-aqwa għal Luxol speċjalment għal Alhberg li kellhu tlett three pointers u minkejja li Meyer kien fuq il-bank bir-raba’ foul, ic-champions kabbru l-vantaġġ ghal 20 punt fi tmiem it-taqsima 59-39. Ir-raba’ sessjoni fetħet bil-Luxol jikkontrollaw il-vantaġġ u rnexxielhom jagħmlu dan sar-raba’ minuta meta kienu għadhom 19 minn fuq 63-44. Hawn Hibs għamlu l-akbar sforz tagħhom fil-partita meta mħeġġa mill-partitarji tagħhom  għamlu run ta’ 12-0 b’punti minn Marco Matijevic, Patus u Axiaq biex naqqsu d-distakk għal seba’ punti 56-63.  Pero l-ħin kien kontrijhom u Luxol għalqu l-partita bil-punti ta’ Keith Dimech, Alhberg u Vasovic biex ħarġu rebbieħa 69-58. Fi tmiem il-partita l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-tazza lil captain ta’ Luxol Ahlberg biex Luxol iċċelebraw ir-rebħ tas-Super Cup għat-tmien darba fl-istorja tagħhom.

Bupa Luxol: CJ Cordina, M. Mercieca, M. Sojberg, N. Vasovic 16, J. Maistre Mellilo, JP Schembri, K. Dimech 12, W. Ahlberg 29, D. Schembri 4. K. Meyer 8, S. Capello.

Hibernians: R. Vella 7, P. Attard, K. Caruana 6, L. Farrugia, S. Attard, I. Bonett, S. Vella, A. Axiaq 11, M. Matijevic 14, C. Patus 12, F. Mariani 5, A. Lizaur 3.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/bupa-luxol-bl-ewwel-success-tal-istagun/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.