Branko Nisevic jinħatar assistent kowċ tat-tim nazzjonali

Wednesday, May 9, 2018, 7:29

Branko Nisevic inħatar assistent kowċ tat-tim nazzjonali.

Nisevic, li għandu 46 sena, diġà beda jaħdem mill-qrib tal-kowċ nazzjonali Ray Farrugia bi tħejjija għat-training camp li t-tim nazzjonali għandu fil-ġimgħat li ġejjin.

It-taħriġ jibda l-ġimgħa d-dieħla fit-training grounds f’Ta Qali u jkompli fl-Awstrija fi tmiem dan ix-xahar.

Nisevic qed jagħmel ritorn bħala kowċ mal-MFA, wara li kien il-kowċ tat-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena u kien ukoll assistent tal-ex kowċ tat-tim nazzjonali Pietro Ghedin bejn l-2011 u l-2013.

Farrugia laqa’ l-ħatra ta’ Nisevic b’entużjażmu.

“Kuntent li Branko aċċetta l-proposta tagħna li jkun l-assistent kowċ tat-tim nazzjonali,” qal Farrugia.

“Naf lil Branko tajjeb, hekk kif kont il-kowċ tiegħu meta kien jilgħab kemm ma’ Pietà Hotspurs u anke ma’ Sliema Wanderers.

“Konna wkoll flimkien waqt l-ewwel edizzjoni tal-UEFA Pro Course li organizza ċ-Ċentru Tekniku tal-MFA.

“M’għandix dubju li, bl-esperjenza tiegħu, l-għarfien tekniku u tattiku kif ukoll bil-mod metikoluż kif jipprepara, Branko se jkun ta’ għajnuna kbira għalina.”

Imwieled is-Serbja, Nisevic qatta’ l-karriera tiegħu jilgħab f’pajjiżna, fost l-oħrajn ma’ Sliema Wanderers, Hibernians, Valletta, Pietà Hotspurs u Birkirkara qabel ma beda karriera fil-kowċing.

Bħala kowċ, Nisevic rebaħ il-Kampjonat BOV Premier ma’ Hibernians fl-istaġun 2014/15.  L-aħħar rwol ta’ kowċ kien ma’ Gżira United.

“Inħossni onorat li ġejt offrut dan ir-rwol,” qal Nisevic.

“Qed inħares ‘il quddiem biex naħdem ma’ Ray u l-bqija tal-istaff tekniku, Ronald (Vella), Luca (Pagani) u Charles (Sciberras).

“Konxju li t-tim nazzjonali għaddej minn żmien diffiċli, u għalhekk din hija raġuni oħra għalfejn għandna nagħmlu l-almu tagħna biex nippruvaw ngħollu l-livell tat-tim Malti.”

Intant, Ronald Vella, li diġà jifforma parti mill-istaff tekniku tal-MFA, ukoll ingħaqad mat-tim ta’ Farrugia, filwaqt li Luca Pagani u Charles Sciberras kienu kkonfermati bħala physical trainer u goalkeepers’ coach rispettivament.





Leave a comment