BOV Basketball Plejers tax-Xahar għal Ottubru 2018

Wednesday, November 21, 2018, 13:24

Chad Patus (Hibernians) jirbaħ l-unur għall-Kampjonat BOV L-Ewwel Diviżjoni tal-Irġiel

Amelia Simmons (Hibernians) tirbaħ l-unur tan-Nisa

Aleksandar Novakovic (Siġġiewi) jirbaħ l-unur għall-Kampjonat BOV tad-Dilettanti tal-Irġiel

Chad Patus ta’ Hibernians huwa l-Plejer tax-Xahar tal-Kampjonat BOV L-Ewwel Diviżjoni tal-Irġiel għal Ottubru 2018. Chad stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa plejers fil-kampjonat lokali, bi prestazzjonijiet ta’ livell għoli fuq bażi konsistenti li wassluh għas-seba’ unur individwali tiegħu hawn f’Malta. Chad kellu medja ta’ 23 punt f’kull partita għal total ta’ 117-il punt f’5 partiti b’70 % mill-kamp u 61 % mil-linja tal-free-throw.

Amelia Simmons, plejer kbir ieħor fix-xena tal-Basketball f’Malta mat-tim ta’ Hibernians rebħet il-ħames unur individwali tagħha dan ix-xahar. Hija tinsab fil-quċċata tal-kampjonat f’dawk li huma rebounds, bi 11.4 f’kull partita; il-25.6 punti f’kull partita (128 punt f’5 partiti) bi 52 minn 84 mill-kamp u 21 minn 25 free-shot wassluha biex tirbaħ l-unur għal dan ix-xahar.

Aleksandar Novakovic ta’ Siġġiewi rebaħ l-unur tal-Kampjonat BOV tad-Dilettanti tal-Irġiel. Il-plejer mis-Serbja, Novakovic, kien l-aqwa skorer matul dan ix-xahar fid-diviżjoni tiegħu b’medja ta’ 32.25 punti f’kull partita (total ta’ 129 punt minn 4 partiti) filwaqt li kellu medja ta’ 3.5 steals f’kull partita matul l-istaġun kollu sa issa.

Peter Perotti, Uffiċjal Kap tal-Bank of Valletta ppreżenta lir-rebbieħa bi plakka kommemorattiva. Il-Bank of Valletta huwa kburi li huwa sostenitur ewlieni tal-inizjattivi sportivi f’Malta biex b’hekk jippromwovi l-eċċellenza sportiva f’ambjent kompetittiv san.





Leave a comment