BOV Basketball Plejers tas-Sena

Friday, November 22, 2019, 9:59

Il-BOV Basketball Plejers tas-Sena għall-istaġun 2018/2019 tħabbru matul ċerimonja li saret fil-Kumpless tal-Basketball tal-MBA f’Ta’ Qali. Il-premjijiet ġew ippreżentati mill-Uffiċjal Kap tal-Bank of Valletta Peter Perotti u mill-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball Paul Sultana.

Il-premju tal-BOV Basketball Plejer tas-Sena huwa l-ogħla unur fil-basketball lokali mogħti lil dak il-plejer li jiġi aġġudikat bħala l-aqwa f’Malta għal dik is-sena. Il-kumitat tal-għażla jqis il-prestazzjoni tal-plejer fil-court kif ukoll l-isforzi tagħhom għas-suċċess tat-tim u l-imġiba eżemplari tagħhom.

‘Bħala s-sostenitur ewlieni tal-inizjattivi sportivi f’Malta, huwa unur għall-Bank of Valletta li qed jippreżenta l-ogħla unur individwali fil-basketball Malti lil dawn l-atleti,” qal is-Sur Peter Perotti. ‘Aħna ninsabu kburin li qed nappoġġjaw l-eċċellenza fl-isport ma’ dawn l-atleti li huma ta’ eżempju għal sħabhom.’

Meta tkellem matul il-preżentazzjoni tal-premjijiet, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball Paul Sultana qal li ‘Dawn il-premjijiet imorru għand il-plejers li jkunu taw l-aktar kontribut notevoli u konsistenti għat-tim tagħhom. Huma individwi li jkunu ħallew il-marka tagħhom fuq l-isport, mill-iżgħar kategoriji, li huma l-futur tal-basketball Malti, sal-kompetizzjonijiet tal-kbar.’

Ir-rebbieħa f’kull kategorija huma:

BOV L-Ewwel Diviżjoni tal-Irġiel – Peter Shoults (Gżira Athleta)
BOV Kampjonat tad-Dilettanti tal-Irġiel – Matthew Gouder (Gżira Athleta)
BOV Kampjonat tan-Nisa – Samantha Brincat (Hibernians)
Taħt l-14-il Sena Subien – Adam Azzopardi (Starlites)
Taħt l-14-il Sena Bniet – Danika Galea (Depiro)
Taħt is-16-il Sena Subien – Matthew Attard (Hibernians)
Taħt is-16-il Sena Bniet – Ylenia Bonett (Hibernians)
Taħt id-19-il Sena Irġiel – Nathan Xuereb (Gżira Athleta)
Taħt id-19-il Sena Nisa – Mikela Riolo (Starlites)
Taħt it-23 Sena Irġiel – Keith Dimech (Luxol)
Taħt it-23 Sena Nisa – Kristy Galea (Starlites)





Leave a comment