Bormla u l-Marsa jirbhu r-regatta ta` jum il-Vittorja

Tuesday, September 10, 2013, 14:25

Bormla u l-Marsa jirbħu r-regatta ta’ Jum il-Vittorja. Din ir-regatta kienet ikkaraterizzata minn attendenza numeruża aktar mis-snin ta’ qabel, liħonqot ix-Xatt Pinto il-Furjana fejn kienet qed issir ir-Regatta Nazzjonali, il-qofol tar-Regatta Water Festival.

Dan il-festival kien organizzat fuq inizjattiva tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Stefan Buontempo, permezz tal-Kummissjoni L-Isport: Nifs Ġdid għall-Port, flimkien mal-Kunsill Malti għall-Isport.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo esprima s-sodisfazzjon li dan il-festival reġa’ qajjem interess qawwi fit-tradizzjoni tar-regatta u għalhekk il-Gvern ser ikompli jaħdem biex fis-snin li ġejjin ir-regatta tkompli żżid il-popolarità tagħha u permezz ta’ avveniment bħal dawn jinħolqu attivitajiet li jistgħu jagħtu nifs ġdid lil-lokalitajiet tal-Port.

Ir-Regatta Water Festival intemm b’suċċess. Għal din is-sena f’dan il-festival ħadu sehem id-dgħajjes bil-muturi, muturi tal-baħar, tellieqa tal-ibburdjar u dgħajjes tradizzjonali li ħadu sehem fir-regatta. Ir-Regatta ta’ din is-sena ġiet inawgurata bis-sehem tal-In Guardia fl-Isla, u s-sena d-dieħla l-inawgurazzjoni ssir f’lokalità differenti.

Għal din l-edizzjoni ta’ din is-sena attendew fost l-oħrajn ukoll il-Kummissarju Għoli Ingliż, is-Sur Robert Luke, l-Ambaxxatriċi Amerikana s-Sa. Gina Abercrombie-Winstanley u l-Ambaxxatriċi tal-Awstrija Dr Petra Maria Schneebauer, fejn urew is-sodisfazzjon tagħhom għal dan l-avveniment.





Leave a comment