Bonus lill-atleti li rebħu midalji f’Liechtenstein

Monday, January 30, 2012, 19:00
Il-Kumitat Olimpiku Malti sitt xhur wara s-suċċess li kiseb fl-14 l-Edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Liechtenstein ta rikonixximent lill-atleti kollha li rebħu xi midalja. 
Kull atleta li rebaħ midalja tad-deheb ingħata 1,200 ewro, 600 ewro għal kull midalja tal-fidda u 300 ewro għal kull midalja
tal-bronż u l-istess ammont ingħata lil kull atleta li rebaħ il-fidda fid-doubles. Kull atleta li rebaħ fidda fir-relay ingħata 200 ewro filwaqt li 350 ewro ingħataw lil kull atleta li rebaħ midalja tad-deheb fir-relay. Kull player tal-isquash li rebħu midalja tad-deheb ingħata 400 ewro.
L-atleti u uffiċjali preżenti waqt serata ta’ ċelebrazzjoni kienu indirizzati mis-Segretarju Ġenerali Joe Cassar li fakkar fir-riżultati miksuba u saħaq dwar ir-rwol tal-istess atleti fis-soċjeta` ta’ pajjiżna u li dak li kisbu għandu jkun ta’ stimolu kemm għalihom u wisq aktar għall-atleti żgħażagħ.
Mark Cutajar Direttur tal-isport tenna li dak li l-istess atleti ħadmu għalih qabel il-Logħob f’Liechtenstein wettquh sitt xhur ilu b’mod li għamlu s-sena ta’ sport 2011 bla dubju l-aqwa waħda li qatt għadda minha l-isport Malti. Hu kompla li s-sena 2012 hi sena oħra ta’ sfidi meta ninsabu ftit xhur bogħod mil-Logħob Olimpiku ta’ Londra.
L-Imħallef Lino Farrugia Sacco, President tal-Kumitat Olimpiku Malti filwaqt li rringrazzja lil min b’xi mod kellu sehem
fis-suċċess miksub f’Liechtenstein tenna li l-atleti Maltin u wisq aktar il-Kumitat Olimpiku Malti għandu jkun għatxan għal aktar suċċessi bħal dawn.




Leave a comment