Bonavia jikseb it-tieni rebħa tiegħu fis-Serje Go & Fun Birkirkara St. Joseph Sprint Triathlon

Wednesday, September 9, 2020, 7:32

Josef Bonavia kompla bil-mijxa tar-rebħa tiegħu nhar il-Ħadd meta kiseb it-tieni rebħa konsekuttiva fit-tielet tellieqa tas-Serje Go & Fun Birkirkara St. Joseph Sprint Triathlon, filwaqt li Danica Bonello Spiteri rreġistrat it-tielet rebħa konsekkutiva tagħha.

Kundizzjonijiet tal-baħar kwazi perfetti pprovdew bidu tajjeb, għalkemm is-sħana u riħ moderat fuq il-korsa tar-rota u l-ġirja pprovdew sfida.  Dan irriżulta fi ftit atleti jiksbu l-aħjar ħinijiet personali għall-istaġun.

L-ewwel barra mill-ilma kien Neil Markham, segwit minn Joseph Galea u Sean Michael Darmanin. B’mod ċar li kien fl-element tiegħu fit-taqsima tar-rota, Josef Bonavia mexa l-quddiem sabiex irreġistra l-aħjar ħin ta’ din it-taqsima u jkun l-ewwel atleta li ħareġ għall-ġirja ta’ 5km. B’possibilita ta’ rebħa oħra, Bonavia ma ħalliex l-għeja akkumulata min zewġ tlielaq internazzjonali fuq distanza Half Ironman, li saru reċentatment jaffetwawh. Bonavia spiċċa t-tellieqa f’siegħa, 3 minuti u 27 sekonda. It-tieni wara Bonavia kien hemm Joseph Galea. Galea li minkejja kellu l-brejk ta’wara imblukkat matul it-taqsima tar-rota, irnexxielu jiġġieled b’suċċess għat-tieni post billi waqqaf l-isforzi ta’ Neil Markham li kellu jikkuntenta bit-tielet post.

Fit-taqsima tan-nisa, Danica Bonello Spiteri kienet qeda timmira għat-tielet rebħa tagħha. Hi ħadet postha fuq quddiem mil-bidu tat-tellieqa. L-ewwel barra mill-ilma, hija marret fuq il-korsa tar-rota u l-ġirja ta’ 5km b’vantaġġ komdu. Hi spiċċat it-tellieqa f’ħin ta’siegħa, 8 minuti u sekonda.  B’atleti bħal Hannah Cutajar, Lara Buttigieg u Anjelika Ruggier, li fit-tlielaq ta’ qabel ħadu post fuq il-podju, ma ħadux sehem, kienet ser tkun tellieqa interessanti biex wieħed jara min ser jieħu t-tieni u t-tielet post.  Is-sorpriża tal-ġurnata kienet Pia Zammit, atleta ta’sbatax-il sena li rreġistrat l-ewwel post fuq il-podju tagħha. Dan kien l-ewwel staġun Sprint Triathlon ta’ Zammit, wara li gradwat mit-tlielaq iqsar tal-Malta Youth Triathlon Academy fil-passat. Zammit irreġistrat ukoll l-aħjar ħin tagħha għas-serje s’issa. Fit-tielet post daħlet Lindsey Zammit, li wkoll kisbet l-ewwel podju tagħha din is-sena. Zammit kienet spiċċat ir-raba ‘fl-ewwel tellieqa.

Il-Klabb irringrazzja lil dawk kollha preżenti għall-kooperazzjoni sħiħa tagħhom mal-protokolli Covid-19 li l-Klabb daħħal fis-seħħ biex jiżgura ambjent sikur tat-tlielaq.

L-aħħar tellieqa tas-Serje Go & Fun Birkirkara St. Joseph Sprint Triathlon se ssir nhar il-Ħadd 20 ta’ Settembru. Din it-tellieqa ġiet innominata bħala l-Kampjonati Nazzjonali Sprint Triathlon mill-Federazzjoni Maltija tat-Triathlon.

Go & Fun Birkirkara St. Joseph Sprint Triathlon Series – Rizultati Tat-Tielet Tellieqa

  Irġiel Nisa
1st Josef Bonavia (1:03:27) Danica Bonello Spiteri (1:08:01)
2nd Joseph Galea (1:05:19) Pia Zammit (1:18:36)
3rd Neil Markham (1:06:46) Lindsey Zammit (1:20:40)

 





Leave a comment