Birkirkara FC Futsal javvanzaw man-naħa ta’ fuq

Saturday, November 17, 2018, 10:08

Birkirkara FC Futsal jagħtu pass ieħor ‘il quddiem u jilħqu lil Swieqi United fit-tielet post, meta għelbu lil Pietà Hotspurs bl-iskor ta’ 5-1. Ta’ min jgħid li Swieqi United ma kienux fl-azzjoni din il-ġimgħa, sabiex jirkupraw il-logħba nieqsa kontra UM Futsal Academy nhar it-Tnejn li ġej.

Il-Karkariżi kellhom wirja tajba u amministraw tajjeb il-logħba l-ħin kollu. Għalihom lagħab l-akkwist il-ġdid tagħhom il-Brażiljan Everton Da Silva Santos, magħruf aħjar bħala Vevè, li rritorna fil-futsal lokali wara li fil-passat lagħab ma’ Ħamrun.

Il-gowls ta’ Birkirkara waslu minn doppjetti ta’ Jason Mifsud u Ayoub Ahmad, flimkien mal-gowl ta’ Rennie Tanti. Pietà Hotspurs naqsu l-marġni tal-iskor fit-tieni tasqsima, permezz ta’ Leandros Calleja.

F’aktar logħbiet li kellna matul din il-ġimgħa, Valletta żiedu rebħa oħra meta għelbu bla tbatija lil UM Futsal Academy bl-iskor kbir ta’ 19-0.

L-Istudenti Universitarji kisbu t-tielet rebħa u t-tieni waħda konsekuttiva meta għelbu lit-tim ta’ taħt id-dsatax-il sena ta’ Luxol bl-iskor ta’ 10-5.

Intant it-tim tal-kbar ta’ Luxol baqa’ waħdu fil-quċċata wara r-rebħa ta’ 6-1 kontra Tarxien Rainbows.

B’hekk fil-klassifika Luxol fil-quċċata bi 18-il punt segwiti minn Valletta bi 15; Swieqi United u Birkirkara għandhom 12, Tarxien Rainbows u l-Università ta’ Malta għandhom disa’ punti. Pieta Hotspurs, it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United, u l-UM Futsal Academy għandhom tliet punti, filwaqt li t-tim ta’ taħt id-dsatax-il sena ta’ Luxol għadhom mingħajr punti.

Il-ġimgħa d-dieħla jkollna dawn il-logħbiet:

It-Tnejn 19 ta’ Novembru

Swieqi United vs UM Futsal Academy (fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin fit-20:15)

It-Tlieta 20 ta’ Novembru

L-Università ta’ Malta vs Pieta Hotspurs (fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin fit-20:15)

L-Erbgħa 21 ta’ Novembru

Swieqi United vs Swieqi United U21 (fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin fit-20:15)

Il-Ħamis 22 ta’ Novembru

Luxol St. Andrews vs Valletta (fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin fit-20:15)

Il-Ġimgħa 23 ta’ Novembru

Birkirkara vs Tarxien Rainbows (fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin fit-20:15)

Swieqi United U21 vs Luxol St. Andrews U19 (fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport fid-20:45)





Leave a comment