Birkirkara allokati fil-West Stand – Valletta jkunu se fil-Millennium Stand

Friday, April 26, 2013, 12:00

Il-Malta Football Association tavża li b’direttiva tal-Pulizija ta’ Malta, għall-partita tas-Sibt 27 ta’ April 2013 bejn Birkirkara u Valletta, li se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta Qali, fil-5.00pm, il-partitarji ta’ Birkirkara se jkunu allokati fil- West Stand (enclosure), waqt li dawk ta’ Valletta se jkunu fil- Millennium Stand.

 

Dan ġie deċiż wara polza li ttellgħet mill-MFA fil-preżenza tal-Pulizija ta’ Malta u tas-Segretarji Ġenerali taż-żewġ klabbs rispettivi. Dan kollu sar ukoll bi qbil maż-żewġ Presidenti tal-klabbs, Joe Zammit u Victor Sciriha, rispettivament.

 

Għaldaqstant, il-partitarji ta’ Birkirkara, li se jkunu allokati fil-West Stand A u C għandhom jidħlu bil-vetturi tagħhom min-naħat tal-Mosta u jipparkjaw l-istess vetturi fil-West Parking u t-toroq tal-madwar.

 

Il-partitarji ta’ Valletta, li se jkunu allokati fil-Millennium Stand D u F, għandhom jidħlu bil-vetturi tagħhom min-naħat tar-Rabat u jipparkjaw l-istess vetturi lejn in-naħat tal-Park Nazzjonali.

 

L-MFA tavza li t-ticket booths u l-Istadium Nazzjonali se jinfetħu fis-2.00pm u tħeġġeġ il-pubbliku sabiex jimxi mal-ordnijiet maħruġa mill-Pulizija ta’ Malta, waqt li tawgura festa sabiħa ta’ futbol.

 

 

 





Leave a comment