Bilanċ assolut bejn Sliema u B’Kara

Sunday, August 25, 2013, 10:00

minn Robert Busuttil


Sliema……..1

Birkirkara…1


Ic-Champions Birkirkara ġew miżmuma dro ta’ 1-1 mis-Slimiżi sabiex għalkemm baqgħu bla telfa waqqgħu l-ewwel punti tal-istaġun. Quddiemhom sabu lil Blues, immexxija minn Alfonso Greco, sodi daqs blata li ma ċedewx pulzier u kienu kapaċi joħolqu reazzjoni immedjata għal gowl li qalgħu aktar tard fit-tieni taqsima.

B’sorpriża il-kowċ Karkariż Paul Zammit ħalla fuq il-bank tas-sostituti lil Frank Temile u ta d-debutt uffiċjali lill-Brażiljan Matheus Bissi da Silva. Għal Sliema fuq il-bank ta’ riserva kellhom lill-eks attakkant ta’ Valletta u Qormi Abubaker Bello Osagie li daħal jilgħab fis-67 minuta.

Fl-ewwel nofs siegħa, il-gowler Haber darbtejn ġie msejjaħ sabiex jagħmel saves brillanti fuq Stanley Ohawuchi u Pape Gueye. Birkirkara rrispondew b’tentattiv ta’ Shola Shodiya bir-risposta brillanti ta’ Henry Bonello li tefa’ f’korner. Il-gowler Slimiż reġa kien provvidenzjali fuq daqqa ta’ ras ta’ Demba Toure għal Birkirkara.

Fit-tieni taqsima, l-Istripes ħarġu aggressivi u fl-54 minuta kienu sfortunati li laqtu l-lasta fuq xutt ta’ Rowen Muscat.

Fl-64 minuta daqqa ta’ ras ta’ Demba Toure reġgħet rat l-aħjar tal-gowler Bonello. Il-pressjoni Karkariża dehret evidenti u xutt bomba ta’ Rowen Muscat spiċċa għoli.

Dan kien il-preludju għal gowl Karkariż li wasal fis-70 minuta b’kontrattakk letali mibdi minn Shola Shodiya li l-ġirja tiegħu mal-linja pproduċiet kross li sabet ir-ras ta’ DEMBA TOURE li din id-darba rnexxielu jegħleb lil Bonello.

Hawnhekk is-Slimiżi dehru li ma kinux lesti jċedu r-riżultat. Tant hu hekk li ħdax –il minuta wara ġabu l-iskor ndaqs. Kien frikik ta’ Barbetti li ġie kkontrollat parzjalment mid-difiża Karkariża iżda mir-ribawnd pront sab lil MATIAS MUCHARDI li b’xutt b’saħħtu u fil-baxx issorprenda lil Haber fost il-ferħ tal-plejers u partitarji Slimiżi.

 




Leave a comment