- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Bidu spettakolari għall-Open Water Swimming fil-Port il-Kbir

Posted By Sportinmalta On June 11, 2018 @ 7:54 am In Featured,Swimming | No Comments

Il-fortifikazzjonijiet storiċi li jħaddnu madwarhom il-port il-kbir, taw bidu spettakolari għall-ewwel tellieqa tal-Kampjonati tal -Birkirkara St. Joseph Sports Club tal-Open Water Swimming meta ngħata bidu għall-istaġun sportiv tal-Klabb.

Il-Kampjonat Nazzjonali Open Water Swimming ngħataw bidu bl-ewwel tellieqa fuq firxa ta’ żewġ kilometri, miżmuma fuq żewġ dawriet ta’ kilometru il-wieħed.  Ir-rotta fil-port kienet ta’ sfida għal mija u erba’ għawwiema li ħadu sehem. Dan kien partikolarment ikkawżat mill-imbatt ta’ kwazi żewġ metri, kawża tar-riħ qawwi matul il-ġurnata. Dawn il-kundizzjonijiet rriżultaw f’għadd ta’ għawwiema li rreġistraw ħinijiet aktar twal min-norma tagħhom.

Ir-rebbieħ tal-kampjonati tal-2017, Dylan Cachia witta t-triq biex jirreġġistra l-ewwel rebħa tiegħu tal-istaġun f’ħin ta’ 26 minuta, 26 sekonda. Cachia ġie segwit mill-qrib minn Andre Camilleri, li minkejja l-età żgħira tiegħu, (Kategorija Taħt l-14-il sena) wera li faċilment jista jikkompeti mal-aqwa atleti. Camilleri segwa lil Cachia għoxrin sekonda wara. Fit-tielet post kien Andrew Sultana f’hin ta’ 28 minuta 37 sekonda.

Fil-Kategorija tan-Nisa, Sarah Demicoli, favorita biex tirbaħ, ma ddiżappuntatx. Demicoli kisbet l-ewwel rebħa tagħha f’hin ta’ 29:35. Demicoli, kienet ukoll ir-raba għawwiema li spiċċat it-tellieqa. Hi kienet segwita minn Maya Schembri Rodgers f’ħin ta’ 32:14. It-tielet post fuq il-podju kienet Susana Novis Santos li rreġistrat hin ta’ 33:18.

“Is-7 ta’ Ġunju hija d-data tradizzjonali għall-klabb, li jibda l-istaġun tas-sajf b’dawn il-Kampjonati. Din is-sena Malta qed tiċċelebra l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura u Birkirkara St. Joseph Sports Club huwa kburi li kien parti minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet”, spjega Euchar Camilleri, Segretarju Ġenerali tal-Birkirkara St. Joseph Sports Club.  ”Dan l-avveniment kien opportunità kbira biex  wieħed jara u jifhem iktar dan l-isport, kif ukoll esperjenza unika għal parteċipanti”.

It-tieni tellieqa ta’ dawn il-Kampjonati, li huma appoġġjati minn Garmin Malta, se ssir nhar l-Erbgħa 13 ta’ Ġunju fis-6:30 ta’ filgħaxija fis-Salina, Baħar iċ-Ċagħaq.

Aktar tagħrif jinstab fuq www. http://bkarastjoseph.com


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/bidu-spettakolari-ghall-open-water-swimming-fil-port-il-kbir/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.