- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Bidla fis-setturi: Family and Football Nursery Stand

Posted By Sportinmalta On October 3, 2015 @ 6:00 am In Featured,Football | No Comments

Gavin Muscat

Il-Malta Football Association tavża li mill-programm ta’ futbol ta’ tmiem il-ġimgħa li ġej tal-BOV Premier League li se jintlagħbu fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, sa tmiem l-istaġun, is-settur Millennium F se jinbidel għal ‘Family & Football Nursery Stand’.

Din l-aħbar ingħatat fil-Kunsill tal-MFA tal-lum minn Norman Darmanin Demajo, il-President tal-Assoċjazzjoni. Hu spjega kif se taħdem din l-inizjattiva li hi parti minn kampanja ta’ promozzjoni relatata ma’ ‘Fan Engagment’ u li se titħabbar dalwaqt.

Din l-inizzjattiva se tingħata bidu wara s-suċċess tal-kampanja ‘Reach Out’ li kienet relatata mal-finali tal-Kampjonati Ewropej ta’ taħt is-17-il sena li saru f’Malta s-sena li għaddiet. Il-kampanja ‘Reach Out’ kienet uriet li l-pubbliku Malti iħobb l-isport tal-futbol, u dan b’mod partikolari ż-żgħażagħ li lesti jipparteċipaw, anke jekk b’sempliċiment isegwu minn fuq l-istands. Dan ħareġ wara riżultati ta’ ‘survey’ ikkummissjonat mill-UEFA, b’kollaborazzjoni mal-MFA, dwar is-sitważzjoni tal-futbol Malti.

L-inizzjattiva hi wkoll maħsuba biex tħajjar u tressaq spettaturi ġodda lejn il-logħba tal-futbol lokali u biex nippruvaw inrawwmu kultura ġdida fejn l-spettaturi jattendu biex apparti milli jagħtu sostenn lit-tim favorit tagħhom, jieħdu gost f’esperjenza u atmosfera ġdida flimkien ma’ oħrajn.

Hu maħsub ukoll li din iż-żona ta’ l-istadium tibda tiġi żviluppata aktar ’il quddiem biex tagħti alternattivi għall-membri kollha tal-familja.

Millennium F se tinfetaħ għall-partiti mill-kompetizzjonijiet domestiċi kollha fl-Istadium Nazzjonali u dan biex aktar familji u tfal igawdu minn inizjattiva li tressaqhom lejn il-logħba tal-futbol biex mill-viċin isegwu l-idoli tagħhom. Is-settur se jkun miftuħ għall-familji newtrali li jħobbu jsegwu l-futbol flimkien mat-tfal tagħhom u għall-gruppi organizzati ta’ tfal taħt it-12-il sena li jkunu jridu jsegwu l-partiti mill-ogħla livell tal-futbol Malti.

Il-prezz ta’ Millennium F se jkun wieħed imraħħas b’50% u b’hekk l-adulti jew anzjani akkumpanjati minn tfal ta’ taħt it-12-il sena jistgħu jidħlu fis-settur għall-prezz ta’ €3.50 l-adulti, Anzjani €2 u tfal taħt it-12-il sena jħallsu €0.50. Adulti mhux fil-preżenza tat-tfal jistgħu joqgħodu f’dan is-settur newtrali fejn id-dħul ikun bi prezz normali.

Dawk in-nurseries li jorganizzaw grupp ta’ 20 plejer u amministratur magħhom se jiddaħħlu b’xejn fl-istess settur tal-Istadium filwaqt li fl-istess parti se jkun hemm aċċess għal dawk kollha li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti. Ir-rikjesta għall-biljetti tad-dħul għal dawn iż-żewġ  kategoriji għandha ssir lill-Match Operations Department tal-MFA fuq l-indirizz elettroniku matchoperations@mfa.com.mt.

 


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/bidla-fis-setturi-family-and-football-nursery-stand/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.