Bernard Sammut rebbieħ tal-Enduro fil-Fawwara

Wednesday, January 23, 2019, 9:15

Nhar il-Ħadd li għadda, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karrozzi (ASMK) organizzat it-tieni attività mill-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro 2018/2019. L-attività saret fil-Barriera fil-Fawwara limiti tas-Siġġiewi u l-ASMK tirringrazzja lil Barbros Group Ltd li ippermetew li jintuża dan il-post għal dan it-tip ta sport.

Il-ġurnata kienet waħda ikkaraterizzata mill-maltemp li għamel matul il-lejl kif ukoll kmieni il-Ħadd filgħodu, fejn ħalla l-art f’kundizzjoni mxarrba iktar mis-soltu, tant li ċertu postijiet tul il-korsa kienu iktar diffiċli mis-soltu biex wieħed jimmanuvra l-mutur fihom. B’dan kollu kull parteċipant kellu jaħli iktar enerġija mis-soltu biex jasal fid-destinazzjoni li twaqqaf l-arloġġ. Għal din l-attività ħadu sehem 15 il-kompetitur maqsuma f’erba klassijiet fejn għall-ewwel darba saret il-Klassi Juniors li fiha ħadu sehem parteċipanti taħt il-ħmistax-il sena.

Fl-Overall Bernard Sammut fuq mutur Beta sponsorjat minn WotoMoto, kompla jiddomina fl-Enduro. Matul il-kwalifikazzjoni kif ukoll matul iż-żewġ Heats tal-ġurnata, Sammut irnexxielu dejjem itejjeb il-ħin tiegħu biex b’hekk Sammut issiġilla t-tieni rebħa tiegħu f’dan il-kampjonat b’ħin ta 9 minuti 0.908 sekondi. Sammut kien segwit minn Ian Scicluna fuq mutur KTM b’ħin ta 9 minuti 55.019 sekondi, filwaqt li fit-tielet post daħal Matthew Gauci fuq mutur Beta b’ħin ta 9 minuti 55.411 sekondi.

Fi Klassi B, Krist Falzon fuq mutur Husqvarna rebaħ din il-klassi b’ħin ta’ 10 minuti 21.886 sekondi segwit minn Gabriel Muscat fuq mutur KTM b’ħin 10 minuti 24.642 sekondi. Fit-tielet post spiċċa Aidan Camilleri fuq mutur KTM b’ħin ta’ 10 minuti 33.182 sekondi.

Fi Klassi Ċ, Kyle Stone fuq mutur KTM rebaħ din il-klassi b’ħin ta’ 12 il-minuta 15.177 sekondi segwit minn Kurt Muscat fuq mutur Yamaha b’ħin ta’ 12 il-minuta 33.998 sekondi, filwaqt li fit-tielet post daħal Mario Gatt fuq mutur Honda b’ħin ta’ 18 il-minuta 10.827 sekondi.

Fil-Klassi Juniors, Julian Scicluna fuq mutur elettriku Oset, rebaħ din il-klassi b’ħin ta’ 13 il-minuta 40.557 sekondi segwit fit-tieni post minn Antoine Muscat fuq mutur KTM b’ħin ta’ 17 il-minuta 35.693 sekondi.

Nhar il-Ħadd li ġej l-ASMK se tkompli bl-attività tal-istaġun tal-karrozzi mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti Autocross 2018/2019. Din ir-raba’ attività se ssir fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali u tibda fl-10 am.

Ħarsa lejn il-klassifiki fil-kampjonati Autocross Modified u Standard, fil-Klassi Modified Terence Azzopardi fuq Opel Corsa qed jillidja l-klassifika għall-ewwel darba. Azzopardi bħalissa għandu 69 punt segwit minn Melo Zammit fuq Opel Corsa b’61 punt. Il-klassifika tkompli turi lill Joseph Micallef fuq Opel Corsa b’59 punt u Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta  b’58 punt.

Fil-Klassi Standard, Melvin Buttigieg fuq Citroen AX qed jillidja bi 18-il punt segwit minn Kyle Agius fuq Opel Nova b’12 il-punt. L-ordni tkompli turi lil Johann Vella fuq Opel Nova bi 11-il punt u Jerom Peplow fuq Kia Avella flimkien ma’ Quinn Camilleri fuq Citroen Saxo li għandhom 9 punti kull wieħed.

Attività oħra Enduro se ssir nhar il-Ħadd 17 ta’ Frar 2019 bl-attività tibda fl-10 am. Il-post fejn se ssir din l-attività jitħabbar iktar tard meta jkunu ħargu il-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni li hu www.asmk.org.mt jew fil-paġni Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew mobile 9942 5489.

Rittrati ta’ Mario Micallef





Leave a comment