Bernard Sammut rebbieħ fl-Enduro

Thursday, March 12, 2020, 7:53

Il-Ħadd li għadda l–Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) ogranizzat ir-raba’ attviità mill-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro 2019/2020 li saret fil-Barriera fil-Fawwara. Għal din l-attività rreġistraw 15-il kompetitur maqsumin f’erba’ klassijiet.

Il-korsa b’tul ta’ 3 kilometri, kienet ftit itwal minn dik tas-soltu. Matul il-kwalifiki Bernard Sammut fuq Beta u James Zahra fuq Sherco ddominaw il-klassifika ġenerali. Matul iż-żewġ heats, Sammut kompla jkabbar id-distakk fuq Zahra. Sammut spiċċa biex rebaħ il-ġurnata b’ħin ta’ 9 minuti 0.78 sekondi segwit minn Zahra b’ħin ta 9 minuti 32.73 sekondi. Fit-tielet post daħal Garry Debono fuq Sherco b’ħin ta’ 10 minuti 0.35 sekondi.

Mill-Klassi B, Rowen Bonello fuq mutur Beta rebaħ din il-klassi b’ħin ta’ 11-il minuta u 24.33 sekondi segwit minn Kyle Stone fuq mutur KTM b’ħin ta’ 11-il minuta 29.21 sekonda. It-tielet post intrebaħ minn Josef Von Brockdorff fuq mutur Beta b’ħin ta’ 11-il minuta u 35.38 sekondi.

Il-Klassi Ċ intrebħet minn Mario Gatt fuq mutur Honda b’ħin ta’ 13-il minuta u 51.84 sekondi filwaqt li l-Klassi D intrebħet minn Antonie Muscat fuq mutur KTM b’ħin ta’ 11-il minuta u 59.14 sekondi.

Attività oħra Enduro mistennija ssir il-Ħadd 26 ta April 2020 f’San Lawrenz, Għawdex bl-attivita tibda fl-għaxra ta’ filgħodu.

Nhar il-Ħadd li ġej l-ASMK se tkompli bl-attivitajiet mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2019/2020. It-tiġrija issir fil-kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali u tibda fl-għaxra ta’ filgħodu. Din ser tkun ir-raba’ attività tal-istaġun.

Fil-klassifika ta’ dan il-Kampjonat Nazzjonali, fi Klassi A Kyle Camilleri fuq KTM jinsab fil-quċċata b’147 punt segwit minn Bernard Sammut fuq Beta b’133 punt u Ryan Faenza fuq mutur Yamaha b’99 punt.

Fil-Klassi B, l-Għawdxi Jorn Stellini fuq mutur KTM b’150 punt segwit minn Michael Sant fuq Husqvarna b’110 punti u Mark Attard fuq Yamaha b’88 punt.

Fil-Klassifika tal-Veterani, Paul Deguara fuq KTM b’147 punt segwit minn William Sant fuq mutur Honda b’135 punt u fit-tielet post hemm Andrew Cassar fuq mutur KTM bi 80 punt.

Għal aktar informazzjoni idħlu fuq www.asmk.org.mt jew fil-paġni tal-Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Tistgħu tagħmlu kuntatt bl-email fuq info@asmk.org.mt.

Ritratti ta’ Mario Micallef





Leave a comment